L-aġenzija tal-Gvern Ambjent Malta bdiet ħidma intensiva ta’ tindif fil-Forti tal-Madliena u l-madwar sabiex jinbidel f’sit ta’ afforestazzjoni li fih se jitħawlu mal-1,000 siġra żgħira u arbuxelli.
Il-proġett mifrux fuq medda ta’ 15-il tomna art beda f’Settembru li għadda bi tneħħija bi tneħħija ta’ pjanti li m’humiex endemiċi u li qed jagħmlu ħsara lill-ambjent naturali.
Is-sit kien jinsab fi stat ta’ abbandun hekk kif instabu fdalijiet ta’ skart fosthom fdalijiet tal-karozzi bħal bumpers, apparat domestiku fosthom fridge, u skart goff ieħor.
Id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta, Herman Galea fisser kif twettaq studju li minnu rrizulta li l-ħamrija hija pjuttost fqira. Għaldaqstant, se jkun possibli li jitħawlu biss elf siġra żgħira u arbuxxelli.
Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat u l-kumitat amministrattiv tal-Madliena rringrazzjaw lill-Ministeru tal-Ambjent għal dan il-proġett.
Is-Sindku qal li l-proġett ta’ afforestazzjoni fil-madwar tal-Forti Madliena kien azzjoni pożittiva mill-Ministeru tal-Ambjent.
Apparti dan il-proġett, is-Swieqi ngħata donazzjoni ta’ €30,000 mill-Ministeru li se jintuzaw biex isebbħu l-ambjent u jitħawlu aktar siġar u fjuri fil-lokalità.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett li bħalu se jkomplu jsiru oħrajn. Huwa irringrazzja ukoll lil Ambjent Malta li qiegħda tamministra s-sit u l-ħarsien tas-siġar.
It-tindif u t-tħawwil tas-siġar fis-sit tal-Forti Madliena se jkun lest sa Marzu li ġej.