Infrastructure Malta se tkun qiegħda tħawwel aktar minn tmintax-il elf siġra u arbuxell madwar iż-żona tal-proġett tal-Marsa Junction. Dan huwa biss parti minn tisbiħ li se jsir f’din iż-żona, li jinkludu wkoll installazzjonijiet artistiċi.
Fi żjara fuq is-sit, il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg spjega li dan it-tisbiħ qiegħed isir bl-ambjent fuq quddiem tal-ħsieb.
Qal li dan il-proġett, li jinsab lejn it-tmiem, ħaseb biex tonqos il-konġestjoni tat-traffiku.
Qal kif, “Il-fatt li bħalissa qiegħdin fuq korsija li se tkun dedikata biss għal dawk li jsuqu r-roti u il-fattur l-ieħor li għandek park and ride li se jkun qed joffri intermodalità għal min ikun jixtieq ikompli l-kumplament tal-vjaġġ tiegħu permezz ta’ trasport maqsum bejn ħaddieħor.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett għamel użu minn tnejn u ħamsin miljun ewro minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Tenna li fin-Nofsinhar ta’ Malta qatt ma kien hawn proġett infrastrutturali ta’ dan id-daqs, u minħabba fih, ir-residenti tan-Nofsinhar għandhom moħħhom mistrieħ meta jivjaġġaw minn dawn l-inħawi.
Spjega, “Dan huwa proġett li nistgħu inqisuh bħala ‘game-changer’ fil-qasam tal-infrastruttura ta’ pajjiżna, kemm mid-daqs ta’ proġett li ġie introdott, is-sistemi u d-disinn tiegħu, kif ukoll il-fatt li dan ħaseb f’kull aspett, mhux biss fil-karozzi, iżda ukoll fl-użu tar-roti, min irid jimxi u anke aspetti ta’ trasport tal-massa.”