Aktar minn tlett elef u tliet mitt siġra u arbuxell ser jitħawlu fil-Park tal-Majjistral grazzi għal investiment ta’ ħamsin elf ewro.
Dan il-proġett ta’ afforestazzjoni li se jitwettaq fuq medda ta’ erba’ snin huwa possibbli permezz ta’ ftehim li ntlaħaq bejn il-Fondazzjoni Ġermaniża Kummer-Vanotti u l-Federazzjoni Heritage Parks.
Il-Park tal-Majjistral bħalissa għaddej b’eżerċizzji ta’ riġenerazzjoni u skont il-Ko-fundatur tal-Fondazzjoni Ġermaniża, dan il-proġett ta’ tħawwil ser jagħti daqqa t’id fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Huwa stqarr: “We are very happy that Minister Miriam Dalli initiated this project to do an afforestation in Majjistral Park. This is really nice park and with more trees we will reduce CO2 emmissions and make a better climate in Malta.”
Il-Ministru għall-Enerġija u l-iżvilupp sostenibbli Miriam Dalli għamlet aċċenn għall-ħidma li qed issir biex il-pajjiż ikollu aktar spazji miftuħa.
Hija qalet, “Huwa ta’ sodisfazzjoni li rnexxielna wkoll nissieħbu ma’ NGO u fondazzjoni Ġermaniża li qegħdin jinvestu f’pajjiżna biex ikollna aktar minn 3,000 siġra fil-Park tal-Majjistral. Dan huwa wieħed mill-isbaħ parks li għandna f’pajjiżna u bħala Gvern qegħdin nagħmlu l-almu kollu tagħna biex dan il-park insebbħuh kemm jista’ jkun.”
Min-naħa tiegħu l-Maniġer tal-Park tal-Majjistral Darren saliba faħħar dan il-proġett li ser ikun t’għajnuna għall-ambjent: “Ħa jkun hemm proġett ta’ afforestazzjoni li ħa jitqassam fuq erba’ snin fil-Park tal-Majjistral. Dan huwa proġett interessanti li ħa jgħin ħafna lil Malta u l-ambjent tagħha.”
It-tħawwil ser isir fi tliet żoni differenti tal-Park fejn bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni tal-abitat.