Parks Malta ġabret 1,800 tunellata skart matul kampanja ta’ tindif bil-parteċipazzjoni ta’ 40 entitajiet varji, għaqdiet volontarji u tas-settur privat f’madwar 55 attività ta’ tindif madwar il-pajjiż.
Wara l-kampanja ta’ tindif f’widien u f’siti naturali mmexxija minn Parks Malta, l-istess entità issa bdiet tħawwel mat-3,600 siġra fl-ispazji miftuħa.
Ta’ kull sena, Parks Malta torganizza kampanja ta’ tindif bil-għan ewlieni li tqajjem kuxjenza dwar il-protezzjoni tal-widien u tħeġġeġ diversi entitajiet tal-Gvern kif ukoll privati biex jipparteċipaw.
Skont l-ammont ta’ skart li jinġabar, Parks Malta tħawwel ammont ta’ siġar.
Din is-sena ħadu sehem aktar minn 40 għaqda volontarja, kunsill lokali, negozji u skejjel Matul din il-kampanja, inġabru mal-1,800 tunellata ta’ skart minn 30 wied differenti.
B’hekk, Parks Malta se tkun qed tħawwel 3,600 siġra – jiġifieri żewġ siġriet għal kull tunellata ta’ skart miġbur.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli saħqet li kampanji bħal dawn jgħallmuna kif nnaqsu l-użu ta’ materjal li jiġġenera l-iskart. Hija ħeġġet lin-nies biex ma jħamġux.
Hija stqarret, “Qed inħawlu 3,600 siġra f’diversi widien madwar Malta u Għawdex għaliex għal kull tunnellata ta’ skart li ġbarna qed inħawlu żewġ siġar. Inġabru total ta’ 1,800 tunnellata ta’ skart fil-kampanjata’ clean up li għamilna. Grazzi għal Park Malta u l-kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet, NGOs u businesses privati.”