Fil-jiem li ġejjin, ser ikunu qed jitħabbru diversi protokolli ta’ prekawzjoni li jħarsu fit-tul bil-għan li jipproteġu lill-anzjani u persuni b’diżabilità li jinsabu fid-diversi djar u residenzi madwar pajjiżna.
Permezz ta’ dawn il-protokolli l-ġodda ser jiġi żgurat li ta’ kull ġimgħa dawn ir-residenti ser jibqgħu okkupati b’diversi attivitajiet li jferrħuhom u li r-residenti meqjusa vulnerabbli, ma jingħalqux ġewwa.
Ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis stqarr li bħalissa għaddejja ħidma flimkien ma’ diversi entitajiet biex titħejja t-triq ‘l quddiem f’dan il-qasam biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa fiżika flimkien mas-saħħa mentali ta’ dawn ir-residenti.
Fil-fatt kien hemm laqgħat anki mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Is-Segretarju Parlamentari Parnis sostna li tul il-pandemija ġew milqugħa diversi suġġerimenti validi li bi qbil mal-Awtorità għas-Saħħa Pubblika, jistgħu jiġu implimentati mal-protokolli l-ġodda.
“Dak kollu li seħħ fit-tliet xhur li għaddew rajna dawk l-affarijiet illi ma tawx riżultati li xtaqna u se nkunu qegħdin nibdluhom. Se nkunu qegħdin nagħmlu protokoll long-term biex verament l-anzjani tagħna ma jingħalqux fil-homes u ġewwa San Vinċenz imma jibqgħu għaddejjin bl-attivitajiet u b’dak kollu illi xtaqu. Dan il-protokoll se jkun ukoll approvat min-naħa tad-Dipartiment tas-Saħħa” qal Parnis.
Dawn il-protokolli se jimxu id f’id mal-bosta miżuri li ġew introdotti l-ġimgħa l-oħra mill-istess segretarjat fejn allavolja l-qraba ser jitħallew iżuru lill-għeżież tagħhom, kull viżitatur għandu jagħmel appuntament minn jumejn qabel.
Dan filwaqt li l-visors u l-maskri għandhom jiintlibsu tul iż-żjara kollha li ser isseħħ minn wara l-perspex.