In-numru ta’ familji li jistgħu jsejħu lilhom infushom sidien ta’ djarhom żdied b’aktar minn 12,000 familja, biex issa ftit anqas minn 80% tal-familji Maltin għandhom id-dar tagħhom.
Ċifrji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ististika juru li tul dawn l-aħħar ħames snin ta’ Gvern Laburista, ir-rata ta’ persuni li jgħixu mċaħħda mill-aktar affarijiet bażiċi kompla dejjem jonqos, biex minn numru li jlaħħqu €40,000 issa din iċ-ċifra niżlet għal 11,000.
F’kummenti lil ONE News, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, spjega kif fil-baġit li jmiss se jkun hemm aktar miżuri pjanati li se jgħinu aktar nies biex isiru sidien ta’ darhom, fosthom regolarizazzjoni tas-suq tal-kera.
Galdes spjega kif “il-Gvern qed jaħseb biex l-istrutturi tas-soċjetà tagħna nindirizzawhom permezz ta’ pakkett ta’ miżuri fil-baġit li ġej, fost oħrajn ukoll irridu nindirizzaw il-kwistjoni tal-liġi tal-kera. Bil-liġijiet tal-kera, fost oħrajn anke bil-white paper li se tkun qed tiġi ippubblikata dalwaqt, l-għan tagħna huwa li naraw li jkollna suq regolat, suq li jaħdem ukoll f’kompetizzjoni ġusta”.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-white paper dwar is-suq tal-kirjiet se jkollha proposti biex ikunu mħarsa aħjar id-drittijiet kemm ta’ min jikri u anke tas-sidien tal-proprjetajiet mikrija.