F’intervista l-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru inċentivi biex in-nies jidħlu iżjed l-Belt.
Qal li filwaqt li hemm postijiet bħal San Ġiljan u tas-Sliema li qed ifuru, fil-Belt fadlilna ftit iżjed u għalhekk se jingħataw inċentivi anki biex jgħinu lin-negozji fil-kapitali.
Dr Abela qal li rridu niffaċilitaw id-dħul tan-nies fil-Belt, pereżempju f’dak li għandu x’jaqsam ma’ trasport.
Meta kien mistoqsi fuq il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-Prim Ministru qal li dan hu pjan li jistimola l-ekonomija biex tibqa’ għaddejja.
Saħaq li l-ewwel 2 pakketti ta’ għajnuna riedu jżommu l-industriji ħajjin ħalli kif tgħaddi l-pandemija dawn jaqbdu jiġru. Bit-tielet pakkett imħabbar t-Tnejn li għadda huwa intiż li jagħti l-appoġġ, jinċentiva u jippremja n-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin.
Qal li l-Gvern kien konsiderevoli għall-bżonnijiet ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin u li ma kienx supperv. Huwa silet eżempju mir-roħs fil-prezzijiet tal-fjuwils. Semma li diversi operaturi tal-pompi tal-fjuwil xtraw il-fjuwil bi prezz ogħla, fejn il-Gvern se jkun qed jagħmel tajjeb għad-differenza fil-prezz li se jidħol minn għada.
Semma li l-Gvern mar pass ‘il quddiem minn dak li ssuġġerrixxiet l-Oppożizzjoni, hekk kif filwaqt li l-PN ippropona voucher ta’ €50 il-Gvern mar għal voucher ta’ €100 għal kull persuna li għanda iżjed minn 16-il sena.
Qal li dan il-pjan huwa l-mod ta’ kif il-Gvern jissalvagwardja l-pajjiż. “Aħna Gvern ta’ ruħ soċjalista u minkejja li l-baġit kien targeted b’mod speċifiku lejn diversi setturi, rajna li nieħdu ħsieb lil min hu l-iżjed batut,” sostna l-Prim Ministru.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/06/14/il-pm-ihabbar-li-fis-sighat-li-gejjin-se-titnehha-l-emergenza-ta-sahha-pubblika/
https://www.one.com.mt/2020/06/14/se-jizdiedu-sitt-pajjizi-li-se-jifthu-fl-1-ta-lulju/