Il-General Workers’ Union fi stqarrija qalet li tilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Arċisqof Charles Scicluna dwar il-fatt li t-tmexxija u l-operat tal-iskema ta’ xogħol fil-komunità, ma kinitx kif kien rappurtat fuq gazzetta lokali.
Il-Union qalet li tapprezza s-sinċerità li wera l-Arċisqof Scicluna waqt il-programm Disset, li fehem l-ħidma li qed tgħamel il-GWU fis-soċjetà Maltija.
Il-GWU kkonfermat wkoll li teżisti klima kordjali bejn il-Union u l-Kurja ta’ Malta fejn id-djalogu huwa kontinwu. Il-Union irnexxielha ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, li rriżulta f’titjib fis-servizz għall-klijenti tal-istess entitajiet tal-Knisja.
Barra dan għaddejjin diskussjonijiet biex il-GWU flimkien mal-Knisja Maltija, biex jaħdmu fuq diversi proġetti intiżi biex jgħinu nies vulnerabbli. Fi żmien li ġej se jitħabbar proġett konġunt li għandu l-għan li jilħaq l-miri soċjali taż-żewġ naħat.
Il-kwistjoni kienet qamet wara li l-Arċisqof ikkummenta fuq l-operat tal-Fondazzjoni għal Xogħol fil-Komunità skont kif irrapportat mill-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt il-Knisja ilha numru ta’ snin tagħmel użu minn dan is-servizz fil-komunità u l-ħaddiema impjegati fl-iskema preżenti għandhom pagi u kundizzjonijiet dinjitużi.