Is-Soċjetà Filarmonica La Vittoria tal-Mellieħa se tfakkar il-125 anniversarju mill-inkurunazzjoni tax-xbieha mirakoluża tal-Madonna tal-Mellieħa, permezz ta’ akkademja mużiko-letterarju fil-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa, fejn hi meqjuma, taħt il-patroċinju ta’ Rev. Dun Karl Andrew Schembri.
F’dan l-avveniment, li se jsir il-Ħadd 26 ta’ Mejju fit-8.00 p.m., se tindaqq mużika mill-pinna ta’ Mro. Charles Camilleri, Georg Freiderich Handel, Giulio Caccini u ħafna aktar, inkluż dawk b’kitba tal-mibki Isqof ta’ Għawdex Mons. Nikol G. Cauchi.
F’din is-serata, se tieħu sehem il-Banda La Vittoria taħt id-direzzjoni tad-Direttur Mużikali Mro. Ryan Mallia, bil-parteċipazzjoni tal-Kor Cappella Musicale Caeciliana taħt id-Direttur Mużikali Dr Abraham D’Amato, kif ukoll bl-akkumpanjament tal-arpa minn Dr Lydia Buttigieg.
Ma’ dawn, se jieħdu sehem ukoll erba’ narraturi membri tas-soċjetà, Charles Borg, Kriss Debono, Monica Bonnici Fenech u Diane Cutajar, bit-tmexxija tas-serata tkun f’idejn Keith Micallef.
Bil-Knisja Arċipretali mlibbsa għall-okkażjoni bid-dwal, awdjo u arranġamenti florali, kulħadd hu mistieden biex jattendi.