Ċertu partijiet minn Triq Louis Wettinger jew kif nafuha aħjar, il-by-pass tal-Mellieħa se terġa’ tingħata wiċċ ġdid wara li x-xogħol ma laħaqx il-livelli mixtieqa.
Ħabbar dan il-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura tal-pajjiż Ian Borg fejn fiha rrimarka li dan kollu se jsir bi spejjeż tal-kuntrattur.
“Ċertu partijiet tal-Mellieħa bypass ma laħaqx il-kwalità meħtieġa mill-Gvern, mill-Awtoritajiet, minn Infrastructure Malta u ser il-kuntrattur ikun qiegħed spejjeż tiegħu jkun qiegħed jiksi mill-ġdid dik iż-żona fejn huwa ma laħaqx il-livelli meħtieġa”.
Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament, it-Tlieta filgħaxija, il-Ministru Ian Borg irrimarka li dan il-Gvern stabilixxa livelli ġodda ta’ kif għandu jsir ix-xogħol u saħaq fuq il-kontabilità u l-użu sew ta’ flus il-poplu:
“Dan huwa l-mod li aħna rridu nkomplu naħdmu. M’aħniex se nippermettu ċenteżmu imqar wieħed jew jikkomprometti l-kwalità li biha naħdmu. M’iniex se nħalli illi x-xogħol li qed nagħmlu bħala Gvern b’investiment bla preċedent ta’ seba’ mitt miljun ikun suġġett għall-kwalità inferjuri”.
Din it-triq saret b’investiment ta’ żewġ miljun ewro u fiha diversi aspetti ta’ sigurtà fosthom dwal fit-toroq u central strip li tipproteġi lis-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq fit-Tramuntana ta’ Malta.
F’din it-triq saru wkoll xi korrezzjonijiet minħabba li kien hemm partijiet mit-triq li kienu iktar dojoq minn oħrajn u għalhekk it-triq ġiet irranġata biex il-karreġjati jkunu magħquda u kollha l-istess it-tul kollu tal-bypass.