Bejn is-7 u t-13 ta’ Diċembru li ġej it-toroq tar-Rabat se jerġgħu jilqgħu l-villaġġ tal-Milied, ‘Natalis Notabilis’, fil-ħames edizzjoni tiegħu. Dan l-avveniment, li kien kiseb popolarità kbira fost eluf ta’ persuni, ma setax jiġi organizzat, b’mod speċjali minħabba l-imxija tal-COVID.
It-toroq li fihom se jsir in-‘Natalis Notabilis’ din is-sena se jkunu mdawlin b’sistema ġdida u l-attività se tkun imżewqa bil-bejgħ ta’ affarijiet ta’ artiġġjanat, ikel u ħelu tradizzjonali tal-Milied.
‘Natalis Notabilis’ jiġi organizzat mill-għaqda mhu governattiva bl-istess isem u għal din l-edizzjoni l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur qed jiffinanzja parti mill-ispiża meħtieġa.
Il-Ministru responsabbli Julia Farrugia Portelli qalet li l-għan wara l-attività hu nobbli, għax se sservi biex jinġabru flus għall-karità u biex ikun ikkonservat il-wirt kulturali tagħna fejn jidħlu festi tal-Milied.
Qalet, “Suq tal-Milied fuq skala nazzjonali li se jerġa’ jkun qed jittella’ fir-Rabat, li se jkun qed joffri mhux biss opportunità lil għaqdiet volontarji jagħtu x-xogħol tagħhom, juru x-xogħol tagħhom fil-komunità, imma permezz ta’ fondi li jinġabru jkunu jistgħu jiġu mgħejjuna kawżi oħrajn fil-pajjiż.”
F’isem l-għaqda Natalis Notabilis, Charlo Vassallo qal li din is-sena kien hemm rekord ta’ applikazzjonijiet biex persuni jieħdu sehem fis-suq tal-Milied.
Stqarr, “Natalis Notabilis erġajna lura, grazzi kbira lill-Ministru Julia Farrugia, lill-Kunsill lokali tar-Rabat, għax ovvjament mingħajr is-sostenn tagħhom, l-attività tagħna ma setgħetx terġa’ tkun possibbli. Nistiednukom tkunu magħna mis-7 sa 13 ta’ Diċembru fit-toroq tagħna antiki tar-Rabat.”
Sandro Craus, Sindku tar-Rabat, tenna li l-lokalità Rabtija, bit-toroq tagħha se sservi ta’ palk għal attività li sa mill-bidu tagħha kienet serviet ta’ attrazzjoni ewlenija tul il-ġranet festivi tal-Milied u ċertament li anke din is-sena ‘Natalis Notabilis’ se tilħaq l-aspettattiva li nisslet sa mill-bidu nett tagħha.
Qal, “Importanti li biex isiru dawn l-attivitajiet importanti li jkun hemm aktar għajnuniet. Aħna bħala Kunsill Lokali tar-Rabat għenna, il-Ministeru għen ukoll u fl-aħħar mill-aħħar aktar ma jkun hemm entitajiet li jgħinu, aktar dawn l-attivitajiet ikunu ta’ suċċess. Nistieden lil poplu Malti u Għawdxi biex jattendu għal din l-attività, li hi tant għal qalbna.”