Is-Sibt waranofsinhar, l-eks referee tal-futbol, Adrian Casha kien qed jittrenja t-table tennis, ftit tal-jiem qabel jirrapreżenta lil pajjiżna fil-Kampjonat Dinji tal-Parkinson’s Table Tennis, li se jsir fil-Kroazja, bejn it-tnax u s-sittax ta’ dan ix-xahar.
Ma’ ONE News, Adrian Casha tkellem dwar it-tħejjijiet li jkun hemm bżonn għal kompetizzjoni bħal din.
“Għall-ewwel bdejt sessjoni darba fil-ġimgħa, kont naħseb ilni 35/40 sena ma’ naqbad pala tat-table tennis, meta kont għadni żgħir, żagħżugħ jew tifel nilgħab it-table tennis. Bdejt nieħu pjaċir u minn darba fil-ġimgħa bdejna nżidu għal darbtejn u bħalissa anki tliet darbiet fil-ġimgħa, sabiex inħejji lili nnifsi bl-aħjar mod possibli biex inkun nista’ nieħu pjaċir nilgħab, nirrappreżenta lil pajjiżi, ħa nkun l-ewwel bniedem minn Malta, l-ewwel ċittadin Malti li ħa nkun qiegħed nieħu sehem f’dawn il-kampjonati mondjali.”
Iltqajna wkoll mal-kowċ, Katia Mifsud, li spjegat kif minkejja l-limitazzjonijiet li tista’ ġġib magħha l-kundizzjoni tal-Parkinson’s, Adrian kapaċi jagħmel logħba tajba, hekk kif il-pala takkomoda u tgħinu minħabba l-kundizzjoni.
“Armajnielu l-pala illi tista’ tgħinu f’dan ir-rigward, jiġifieri għamilnilu fuq il-forehand għamilnilu rubber li hija soft ħafna, allura hu jista’ jħossu aktar komdu li jkun jista’ jagħti l-istroke u fuq il-backhand armajnilu tip ta’ rubber bil-pimple jgħidilha, illi hija defensive rubber. Allura hu jkun jista’ jikkrea ċertu effett fuqw il-ballun, illi l-opponent ħa jsib problema biex jirritorna l-ballun. Allura hekk għenih speċita li fil-limitazzjonijiet li għandu jista’ jagħmel logħba tajba.”
Waqt it-taħriġ, Adrian qalilna li l-pala li se jkun qed jikkompeti biha hija l-istess waħda li kien juża meta kien żgħir.
“Din il-pala ġġibli nostalġija kbira għaliex din il-pala kont xtrajtha fis-sekondarja, fl-ewwel snin is-sekondarja, kont xtrajtha minn ħanut il-Belt niftakar u kont faddalt għaliha, kienet dik il-pala li tiswa’ l-aktar flus fil-ħanut. Niftakar kienet xi 31 Lira Maltin dak iż-żmien, kważi €100 tal-lum.”)
Din il-pala ġiet irrestawrata u adattata biex Adrian ikun jista’ jilgħab il-logħba ta’ tfulitu b’mod professjonali.