Minn din is-sena se jogħla l-limitu għall-benefiċċju tal-in-work benefit, il-benefiċċju li jingħata meta wieħed ikun qed jaħdem u li jippremja l-bżulija.
Skont miżura tal-Baġit għal din is-sena, il-limitu biex ġenituri li għandhom tfal taħt it-23 sena u li jaħdmu t-tnejn jibbenefikaw, żdied minn €35,000 għal €50,000.
Il-limitu għal koppja li jaħdem ġenitur wieħed minnhom se jiżdied minn €26,000 għal €35,000.
Il-livell għall-ġenituri waħedhom se jogħla bi €13,000.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li l-benefiċċju għall-ġenituri li l-iżjed li jaqilgħu paga se jkun ta’ €200 għal kull wild, filwaqt li l-ogħla benefiċċju – li jammonta għal €1,500 għal kull wild – jingħata lill-ġenituri li l-inqas li jaqilgħu paga.
“Bl-extended thresholds li se jiġu introdotti minn din is-sena nantiċipaw li n-numru ta’ benefiċjarji jirdoppja u jilħaq madwar 14-il elf, u nkunu hemmhekk qed nolqtu madwar 20,000 tifel u tifla li b’dan il-benefiċċju flimkien ma’ oħrajn għandhom jaraw titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.”
Fil-fatt, bejn l-2015 – meta beda jingħata dan il-benefiċċju waqt li wieħed ikun jaħdem – u din is-sena, it-total ta’ ġenituri li jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju żdied b’għaxar darbiet.
Id-Direttur għad-Dipartiment tal-Konformità tal-Benefiċċji, George Cremona, qal li l-benefiċjarji l-ġodda m’għandhomx għalfejn japplikaw.
“Bid-diskussjonijiet li qed nagħmlu flimkien ma’ servizz.gov u l-Kummissarju tat-Taxxi Interni se nkunu qegħdin inġibu d-dejta aħna sabiex il-pagament joħroġ b’mod awtomatiku u allura tiġi xi ħaġa pożittiva għaż-żewġ naħat. Ġenituri m’għandhomx għalfejn japplikaw u allura jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-ħajja tagħhom. Id-Dipartiment ma jidħolx f’xogħol amministrattiv żejjed u allura hemmhekk inkunu qegħdin indaħħlu d-digitalisation tal-proċessi, kif qegħdin nagħmlu wkoll f’benefiċċji oħrajn.”
George Cremona qal ukoll li permezz ta’ dan l-eżerċizzju diġitali se jinħarġu wkoll benefiċċji għal nies li ma jafux li huma intitolati għal xi benefiċċju. Dawn se jiġu nnotifikati permezz ta’ ittra.