Se jirdoppjaw l-ispetturi tal-bini u l-kostruzzjoni sal-aħħar tas-sena.
Din hija riforma fost ħafna li tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet, ġimgħat biss ‘il bogħod minn meta se titwaqqaf Awtorità ġdida għall-Bini u l-Kostruzzjoni.
Dan bħala parti mil-liġi li qed tiġi diskussa bħalissa fil-Parlament u li tirregola l-industrija tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius ħabbru numru ta’ riformi li se jkomplu jintensifikaw l-iskrutinju u l-infurzar fis-settur.
Il-Ministru Farrugia sostna li ser jiġu rduppjati n-numru ta’ spetturi fi ħdan l-Aġenzija li jduru s-siti ta’ bini u kostruzzjoni. Dawn issa ser ikunu qed jgħoddu madwar 20.
Huwa fisser: “Qed nitkellmu dwar l-irduppjar ta’ ħaddiema li xogħolhom huwa fuq l-infurzar u l-ispezzjonijiet fis-siti ta’ kostruzzjoni. Fit-tieni stadju qed ngħidu li ser ikollna espressjoni ta’ interess għal dawk li jkunu f’pool of experts li xogħolhom ħa jkun li jagħmlu skrutinju akbar fuq il-method statement li jidħol għand l-Aġenzija u eventwalment l-Awtorità.”
Dan filwaqt li ser jitnieda freephone ġdid sabiex kulħadd iħossu aktar sigur f’daru.
Il-Ministru Farrugia sostna: “Fit-tielet stadju ħa nħabbru freephone number għal dawk kollha li huma mħassba dwar siti ta’ kostruzzjoni, ix-xogħol li għaddej minnhom biex b’hekk ikollhom rimedju fejn iċemplu u allura l-Awtorità tagħmel ix-xogħol mistenni minnha.”
Dan qed isir sabiex pajjiżna jersaq lejn industrija tal-kostruzzjoni aktar sostenibbli.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħabbar li fl-Aġenzija għall-Bini u l-Kostruzzjoni ġiet implimentata sistema ġdida għall-għoti tal-liċenzji tal-bennejja u kif dawn issa qegħdin fil-proċess li jiġu mġedda wara numru ta’ snin.
Huwa spjega: “Fejn tidħol il-liċenzja tal-bennejja li sa llum tagħmel parti mill-liġi tal-Pulizija issa ser tkun qed tagħmel parti mil-liġijiet tal-BCA u llum qed ngħidu li kull liċenzja li ser tiġi mġedda ser tkun valida għall-perjodu ta’ 3 snin u se jkollha format ġdid. Format tipo ta’ karta tal-identità bir-ritratt tal-persuna liċenzjata u kull persuna liċenzjata se jkollha isimha f’reġistru li żżomm il-BCA li se jkun available online wkoll fuq is-sit tal-istess Awtorità.”
Is-Segretarju Parlamentari Agius saħaq li l-missjoni aħħarija hija li s-settur ikun wieħed aktar stabbli u li jixpruna ambjent aħjar għal kulħadd.