Il-Kummissjoni kandidati tal-Partit Nazzjonalista għandha sa massimu ta’ sitt ġimgħat ċans biex isir l-eżerċizzju ta’ verifika u due diligence fuq il-kandidati li juru interess biex joħorġu għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li dan il-perjodu ta’ xahar u nofs kemmex xuftejn in-nies ta’ Delia li għarfu li b’dan il-perjodu twil, il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tista’ tieħu l-ħin tagħha biex timmonta kampanja ikbar kontra Delia u tikkonvinċi iżjed tesserati biex ma jivvutawx lil Delia.
“Se jippruvaw itawlu biex ixaqilbu l-miżien favurihom u jtajruh”, qalilna s-sors tagħna fl-istamperija b’referenza għal manuvri min-naħa tar-ribelli fil-konfront ta’ Delia.
Il-Partit Nazzjonalista ħa jgħaddi minn elezzjoni oħra ta’ Kap, f’inqas minn tliet snin, fi sfond ta’ ġlied u firda bejn iż-żewġ fazzjonijiet, dik tal-Kap attwali Adrian Delia u tal-eks Kap Simon Busuttil.
It-Tlieta ltaqa’ l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fejn ġew diskussi r-regolamenti li ressqet il-Kummissjoni Elettorali tal-partit immexxija mill-esponent tal-fazzjoni Busuttil, Peter Fenech.
Dawn ir-regolamenti għad iridu jiġu approvati minn Kunsill Ġenerali ieħor li propju ftit tal-jiem ilu, il-biċċa l-kbira tal-membri tiegħu għażlu li flok imorru għall-konferma ta’ Delia bħala Kap, iddeċidew favur elezzjoni oħra għal Kap Nazzjonalista.
Intant fil-jum tat-Tlieta ltaqa’ wkoll l-Amministrattiv, organu ieħor tal-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia ħass li joħroġ stqarrija waħdu f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn qal li l-eżerċizzju ta’ due diligence u verifiki jsiru fuq kull min ħa jikkontesta għall-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, inkluż fuqu nnifsu.
Delia ilu li qal li se jerġa’ jitfa’ ismu għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u nhar is-Sibt filgħaxija, wara li ma ġarax kif xtaqet il-fazzjoni tiegħu, huwa tenna li se jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni ta’ Kap, bil-messaġġ ewlieni tiegħu se jkun ‘Mod Ġdid, b’nies ġodda’.
Għal kuntrarju ta’ dak li jiġri f’partiti oħra, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista ħarġet sejħa għall-espressjoni ta’ interess għal dawk kollha li jixtiequ joħorġu għall-elezzjoni ta’ Kap tal-partit flok li l-kandidati jitfgħu n-nomina.
Dawk li jixtiequ jitfgħu isimhom għandhom sa nhar it-Tnejn li ġej biex jiktbu lill-kummissjoni elettorali ta’ Peter Fenech li ħa post Gejtu Vella, wara li dan irriżenja inqas minn ġimgħa li daħal fil-kariga.