Mijiet ta’ studenti li mis-sena akkademika li ġejja se jibdew jitgħallmu suġġetti vokazzjonali fil-qasam tal-kura se jkollhom l-opportunità wkoll li jesperjenzaw fil-prattika dak li jsir fuq il-post tax-xogħol.
Dan permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat bejn il-Ministeru tal-edukazzjoni u l-industrija taċ-childcare u djar tal-anzjani.
Il-ftehim isegwi ħidma kbira li saret fl-aħħar xhur f’20 skola tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti fejn bosta klassijiet ġew mgħammra b’tagħmir li jixbah dak li jinstab fil-postijiet tax-xogħol.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Care Malta Nathalie Briffa Farrugia faħħret dan l-investiment u fissritu bħala pass kbir fil-qasam tal-edukazzjoni tagħna. Qalet li t-tfal qed jiġu esposti għall-qasam tas-saħħa u l-kura tal-anzjani.
“Permezz ta’ dan l-investiment aħna nemmnu li qegħdin ninvestu fi tfal f’età tant żgħira biex ikomplu nkabbruhom il-vokazzjoni. L-investiment li qed jagħmel id-dipartiment tal-edukazzjoni huwa kbir. L-equipment li hawn gol-klassi huwa x-xenarju reali li aħna nserperjenzaw fuq id-dinja ta’xogħol tagħna”, sostniet Briffa Farrugia.
Hija żiedet tgħid li l-kontenut u l-mod kif tfassal dan il-programm fil-klassi u fuq il-post tax-xogħol huwa tanġibbli ħafna waqt li l-kurrikulu jolqot bosta angoli tal-ħajja.
Is-Sinjura Briffa Farrugia sostniet din se tkun opportunità għalihom ukoll għax se tagħtihom iċ-ċans li jkollhom aktar nies li jinteressahom il-qasam tal-kura li fi kliemha jagħti ħafna sodisfazzjoni fil-ħajja tal-bniedem.
L-Uffiċjal Edukattiva tas-Suġġetti Vokazzjoni u Applikati Michelle Abela, laqgħet dan il-ftehim għax permezz tiegħu, l-istudenti se jkollhom l-opportunità li minbarra li jitgħallmu fl-iskola, imorru wkoll f’dawn id-djar tal-anzjani u f’ċentri għall-ħarsien tat-tfal biex ikollhom idea aktar wiesgħa tal-vokazzjoni li jridu jidħlu għaliha.
Abela stqarret li “Investiment kbir fuq il-laboratorji li għandhom ħafna riżorsi li t-tfal u l-istudenti kollha għandhom l-aħjar li jistgħu. Ir-riżorsi li tfal u l-istudenti għandhom biex jitgħallmu wkoll qrib ir-realtà, li għada u pitgħada jistgħu jaħdmu fihom. Dan ħassejna li ma kinitx biżżejjed. Dejjem huwa tajjeb li mmorru għall-industrija vera u hu għalhekk li ġara dan il-partnership“.
Dawn il-klassijiet li huma l-ewwel tax-xorta tagħhom f’Malta saru b’investiment ta’ 10 miljun ewro biex l-istudenti jitgħallmu jmiddu jdejhom qabel jidħlu fid-dinja tax-xogħol.