Madwar 80 uffiċjal tal-Pulizija mit-taqsimiet u l-iskwadri kollha tal-Korp qegħdin ibakkru kmieni aktar mis-soltu biex jitħarrġu b’mod intensiv għall-edizzjoni tal-ħarifa ta’ The Grid.
Tellieqa iebsa b’għadd ta’ ostakli li l-parteċipanti jkunu jridu jissuperaw biex jispiċċawha. Tittella’ darbtejn sena, f’Ġunju u f’Ottubru, b’din tal-aħħar tkun iqsar iżda iktar intensa.
Crew ta’ ONE News bakkar kmieni biex isegwi t-taħriġ intensiv li qegħdin jagħmlu dawn il-kuntistabbli biex jieħdu sehem f’din l-isfidi.
Tkellminna mal-kuntistabbli Jonathan Pace li ta’ kuljum, flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija oħrajn jagħmlu varjetà sħiħa ta’ taħriġ, b’enfasi fuq il-ġiri.
“Basically bħala circuit training nibdew 2km ġirja madwar il-premises, imbgħad ikollna sit-ups, burpees pushups, ġiri u basic training”, stqarr Pace.
L-ispettur Christabelle Chetcuti qalet li t-tellieqa ssir f’Għajn Tuffieħa, u li t-tħejjijiet għaliha ilhom għaddejjin minn Lulju.
Fissret li fost il-preparamenti kien hemm taħriġ kemm f’Għajn Tuffieħa kif ukoll f’inħawi oħra tal-pajjiż.
Chetcuti stqarret li qegħdin “Immorru f’diversi lokalitajiet, nitilgħu Għajn Tuffieħa, niġu hawnhekk ukoll Ta’ Qali, ġieli ninżlu fin-naħa t’isfel fil-Kalkara”.
Fuq kollox sostniet li l-għan ewlieni tal-grupp tal-Pulizija huwa wieħed nobbli.
“L-għan prinċipali ħa jkun li niġbru fondi għall-għaqda Simon Schembri Blue Light Foundation u iktar minn hekk isservi biex insaħħu l-għaqda ta’ bejnietna bħala membri tal-korp u biex nippromwovu l-eżerċizzju fiżiku”, tenniet Chetcuti.
It-tellieqa The Grid se tittella’ fid-19 ta’ Ottubru. Iżda qabel dakinhar, dan il-grupp se jieħu wkoll fil-Ġimgħa Ewropea għall-Isport li se tittella’ iktar tard dan ix-xahar minn SportMalta.