Fortel Services se jkunu qed jinvestu seba’ miljun ewro fi proġett ta’ lido ġdid fiż-żona ta’ Tignè.
Dan intqal mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri fil-Parlament it-Tnejn waqt li kienet qed tiġi diskussa il-mozzjoni biex tigi trasferita art lill-Fortina Development Ltd.
Fil-Parlament, il-Ministru spjega li oriġinarjament il-post fejn hemm il-Lido tal-Fortina kien ingħata b’titlu ta’ art lil Fortel Services Ltd fl-1991 fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, li spjega li f’Lulju tal-elfejn u dsatax, il-Fortina xtrat parti mill-kundizzjonijiet imposti fl-elf disa’ mija wieħed u disgħin biex ikunu jistgħu jiżviluppaw Lido b’faċilitajiet moderni.
Qal, “Dan hu proċess li ilu għaddej erba’ snin, bejn applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar, applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Artijiet u issa wasalna biex jingħata titlu. Il-lido li kien hemm qabel u restorant li kien ’il fuq mil-livell tal-promenade, dak kien ingħata titlu ta’ xi elf u tlett mitt metru kwadru fl-1991. Dak it-titlu kien ingħata freehold.”
Vella spjega li fl-elfejn u dsatax, il-Fortina talbu lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ineħħu l-pool eżisteni u jinbena ieħor bl-estensjoni ta’ foreshore u l-bini ta’ restorant. Dan iwassal biex ir-restorant ma jibqax max-xatt, iżda jsir ħdejn il-pool.
Hu qal li b’hekk se jkun qed jinħoloq pjazza għall-użu pubbliku fejn fil-preżent hemm ir-restorant.
Qal, “Fejn kien hemm restorant issa ħa jkun hemm erba’ mitt metru kwadru art pubblika, biex isir dan il-proġett. Kien hemm bżonn ta’ reklamazzjoni ta’ art mill-baħar ta’ madwar ħames mitt metru kwadru. Il-passaġġ, li kien hemm qabel, ħa jiġi rotta ġdida, imma se jibqa’ passaġġ matul il-kosta. Dik l-art il-ġdida, li se tinħoloq, tingħata b’ċens ta’ ħamsa u sittin sena.”
Vella spjega wkoll li se tkun qed tingħata biċċa mill-baħar biex isiru pontoons temporanji fis-sajf, għax fix-xitwa jkunu jistgħu jitneħħew minħabba l-maltemp.