L-Awtorità tal-Ippjanar approvat proġett kbir li se jkun qed jara l-ħolqien ta’ solar farm kbir f’sit sa issa kien jintuża bħala barriera fi Triq is-Siġġiewi fl-Imqabba.
F’dan il-proġett mistenni jintuża aktar minn 65,000 metru kwadru ta’ art li fuqu se jitwaħħlu 14-il elf pannella fotovoltajika li jistgħu jiġġeneraw mal-5,000 kilowatt ta’ enerġija.
Bis-saħħa ta’ dan il-proġett ukoll, iż-żewġ irħula li jmissu ma’ din il-barriera; L-Imqabba u l-Qrendi se jkunu qed jieħdu €200,000 fi flus mill-permessi ta’ dan il-proġett masiċċ. Apparti dawn l-iżviluppatur huwa marbut li jsewwi t-toroq biswit din il-barriera.
Fi stqarrija, l-Kunsill Lokali tal-Imqabba qal li permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-Imqabbin se jibbenefikaw minn proġett ta’ enerġija rinovabbli u nadifa kif ukoll minn fondi, li l-Kunsill se jara li jintefqu bl-aqwa mod possibbli għall-benefiċċju ta’ kulħadd.