Mark Acklom, wieħed mill-akbar frodisti li qatt rat l-Ingilttera, ser jinħeles mill-ħabs qabel jiskonta s-sentenza kollha.
Minkejja dan, għall-ħames snin li ġejjin, hu mistenni jgħix taħt restrizzjonijiet ħorox u jekk jikser xi kundizzjoni, jirriskja li jeħel ħames snin ħabs.
Acklom għandu ordni biex jiddikjara d-dħul tiegħu, negozjati u assi li jista’ jkollu, irid jagħlaq kontijiet internazzjonali, jieqaf juża ismijiet foloz u huwa obbligat jinforma lill-pulizija jekk ikun se joħroġ u jivjaġġa.
Il-Kamra tal-Aħbarijiet internazzjonali, Sky News, tirrapporta li l-libertà ta’ Acklom hemm ċans tiġi posposta.
Dan jiddependi fuq applikazzjoni ta’ estradizzjoni mill-awtoritajiet Spanjoli biex Acklom jirritorna u jiskonta sentenza ta’ ħabs li ħarab minna fl-elfejn u sittax.
Hu mistenni jinħeles fil-ġimagħtejn li ġejjin biex b’hekk qas biss ħa jkun skonta terz ta’ sentenza li ngħata ta’ ħames snin u tmien xhur ħabs li laqqat talli froda mara minn flusha kollha wara li wiegħda li jiżżewwiġha.
Acklom għamel użu minn isem falz u għamilha ta’ uffiċjal tal-MI6 u bankier miljunarju waqt li kien qed jiffroda lill-mara. Hu serqilha tliet mitt elf sterlina u ħalliha b’qalb maqsuma.