Dak li kien spara fuq il-President Amerikan Ronald Reagan mistenni jinħeles aktar tard illum. John Hinckley Jr li għamel ħamsa u tletin sena miżmum ġewwa sptar psikjatriku se jinħeles wara li f’Marzu tal-1981 kien darab lill-President Amerikan.
Dan il-każ barra lukanda f’Washington kien ixxokja lill-poplu Amerikan, ġimgħat wara li bdiet il-Presidenza ta’ Reagan. Huwa ma kienx instab ħati li kellu l-ħsieb li joqtol lil Reagan iżda f’ġuri li għadda minnu ħareġ li kellu kundizzjoni mentali.
L-isparatura li nqabdet mill-kameras tal-aġenzija tal-aħbarijiet ABC kienet seħħet wara li Hinckley ried jimpressjona lill-attriċi Jodie Foster. Dakinhar permezz tat-tiri li spara intlaqat ukoll l-uffiċjal tal-komunikazzjoni ta’ Reagan. James Brady kien sofra emoroġija f’moħħu u baqa’ f’siġġu tar-roti sakemm miet sentejn ilu. Għalkemm Hinckley se jinħeles illum, diġà kien qed iqatta’ man-nofs xahar għand ommu li tgħix ġewwa Virginia.