Il-Gvern ħabbar li se jibdew jingħataw il-pagamenti lill-bdiewa wara li ġew ipproċessati l-applikazzjonijiet għas-sena li għaddiet, b’total ta’ erbatax-il miljun ewro li se jitqassmu biex ikompli jiġi mgħejjun dan is-settur kruċjali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo ġie spjegat kif il-pagamenti diretti għall-bdiewa se jirdoppjaw. Dawn il-fondi taħt diversi skemi huma ko-finanzjati mill-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea sal-2027.
Din l-għajnuna se tkun qed tgħin lil bdiewa żgħażagħ, fost oħrajn, biex ikomplu jiġu mħajra fis-settur.
“B’hekk aħna pproċessajna l-iskemi kollha, l-applikazzjonijiet li kienu kemm minn fondi Ewropej u kif ukoll fondi ta’ Malta, u sejrin aħna nħallsu kollox li kien pendenti fl-2023.”
Hawnhekk il-Ministru Refalo ħabbar ukoll li, għat-tieni sena, il-Gvern se jgħin lill-bdiewa fiż-żieda fil-prezz tal-fertilizzant. Dan minħabba l-isfidi internazzjonali bla preċedent ta’ bħalissa, kawża tal-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani.
“Bħala Gvern għamilna tajjeb, inħallsu d-differenza bejn l-ispiża li kienet sentejn ilu u tal-lum. Dak se jkoprih il-Gvern, tiswa mhux inqas minn €4 miljun u din sejra toħroġ mill-fondi nazzjonali.”
Il-Ministru Anton Refalo sostna kif dawn il-miżuri juru li l-Gvern hu ta’ spalla għall-bdiewa.