Aktar minn ħamsa u ħamsin elf ktieb bil-Malti u bl-Ingliż se jingħataw lil aktar minn tlettax-il elf u tmien mitt student u studenta mill-ewwel sat-tielet sena tal-iskola primarja.
Dan f’inizjattiva bl-isem ta’ ‘Il-Kotba Ħbieb tat-Tfal’, li tnediet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Din l-inizjattiva kienet parti mill-Manifest Elettorali, bl-għan tagħha huwa li jintbagħat messaġġ b’saħħtu favur il-qari.
Permezz ta’ din l-inizjattiva qed tkompli titrawwem l-imħabba lejn il-kotba fit-tfal minn ċkunithom, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu David Muscat.
“Inizjattiva oħra tal-Ministeru għall-Edukazzjoni flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li permezz tagħha biex nippromwovu l-qari qegħdin inqasmu lil kull tifel u tifla sett ta’ kotba bil-Malti u bl-Ingliz, issa fi żmien il-Milied biex ikollhom il-librerija personali tagħhom.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, li sostna li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jrawwem kultura ta’ qari u kurżità intellettwali fost it-tfal.
“Proċess li permezz tiegħu, ħa nibdew mill-istudenti tal-ewwel u tat-tieni sena billi ntuwhom sett kotba, li għandhom ikunu l-bidu sabiex kull tifel u tifla fid-dar ikollu librerija tiegħu u hemmhekk ikun jista’ jitgħallem billi jaqra u jitgħallem u jikseb esperjenzi ġodda.”