Sas-sena d-dieħla se jkunu ngħataw tliet mija, ħamsa u għoxrin elf metru kwadru ta’ spazji miftuħa f’pajjiżna.
Dan intqal mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriza, Miriam Dalli, waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi tad-dekasteru li hi responsabbli minnu. Hawnhekk semmiet numru ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa.
Qalet, “U bħalissa qed jitlestew numru ta’ proġetti oħrajn, inkluż Ġnien Spencer fil-Marsa, Eco-garden fil-Mosta, Ġnien id-Dakkara f’San Ġwann, l-estensjoni ta’ Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija, spazju fi Ġnien San Klement f’Ħaż-Żabbar, piknik area fi Ġnien il-Maqluba fil-Qrendi, park f’żona fil-Birgu, ċentru ta’ edukazzjoni ambjentali u spazju għal tfal b’abbilitajiet differenti fi Ġnien Romeo Romano u se niftħu mill-ġdid il-Park ta’ Xrobb l-Għaġin.”
Dwar is-settur tal-enerġija, il-Ministru Dalli tkellmet dwar il-politika ta’ stabilità, fejn il-Gvern se jkun qed jinvesti €350 miljun oħra s-sena d-dieħla.
Id-Deputat Michael Farrugia qal li l-politika tal-Oppożizzjoni tfisser eżatt dak li kien ġara qabel l-2013, jiġifieri l-awsterità, kif ikkonferma Bernard Grech stess.
Qal, “Li qal li l-għajnuniet li qed jagħti l-Gvern mhux sostenibbli u rridu nimxu lejn il-politika li kien jagħmel il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qabel l-2013.”
Id-Deputat Malcolm Paul Agius Galea nnota kif l-Oppożizzjoni hi bla viżjoni f’dan is-settur.
Qal, “Sabiħ li tikkritika, għax inti għandek viżjoni, li inti taf li tista’ tasal għaliha u allura qed tgħid lili: isma’, agħmel dik jew agħmel l-oħra, biex jien inkun nista’ ngħin miegħek u nimxi miegħek biex nimxi ’l quddiem, imma mhux tikkritika jekk lanqas biss inti għandek idea fuq xiex qed titkellem.”
Id-Deputata Cressida Galea tenniet l-importanza tal-politika ta’ għajnuna tal-Gvern fi żminijiet ta’ sfidi.
Qalet, “U li kieku ma ħadniex din id-deċiżjoni li kieku l-familji Maltin u Għawdxin qegħdin iħallsu aktar mid-doppju f’kontijiet tad-dawl biss. U din id-deċiżjoni, mhux biss qed taffettwa lill-familji Maltin u Għawdxin, iżda qed taffettwa lin-negozji.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tkellmet dwar l-estensjoni tal-pjan New Water.
Qalet, “Il-pjan finanzjarju għal din is-sena se jieħu pass importanti ieħor, dan hekk kif semmiet tajjeb il-Ministru Dalli, fix-xhur li ġejjin, in-network tal-ilma riċiklat se jkompli jiġi estiż bl-installazzjoni ta’ 350 dispenser tal-ilma ġdid.”