Sewwieq ta’ mutur li kien għal btala fi Sqallija se jingħata kumpens ta’ iktar minn €20,000 għad-danni li sofra meta ndarab gravi f’inċident tat-traffiku li seħħ sentejn ilu. Joseph Farrugia, ta’ 42 sena weġġa serjament, f’inċident fl-10 ta’ Lulju 2016.
Fil-Qorti ħareġ li Farrugia kien ma’ grupp ta’ 8 iħbieb bil-mutur. Jirriżulta li vettura misjuqa minn Alessandro Puglisi, filli kienet se tikser lejn il-lemin, iżda minflok spiċċat ilwiet lejn ix-xellug bil-konsegwenza li tajjret lis-sewwieq tal-mutur. Farrugia fittex għad-danni lill-kumpanija tal-assigurazzjoni tax-xufier.
Mix-xhieda, ħareġ li Farrugia ttieħed b’ambulanza lejn Pozzallo, u malli l-katamaran wasal Malta, sab ambulanza tistennieh biex jittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie operat minnufih. Konsegwenza tal-inċident il-kirurgu ċċertifikah li qed isofri minn diżabilità permanenti ta’ 4%.
Kawza ta’ dan l-inċident, ikollu uġiegħ, tnemnim u tinġiż f’siequ l-leminija, kfi ukoll ma tantx jista’ jċaqlaq siequ l-leminija.
Joseph Farrugia jaħdem bħala kok, qatta’ ħin twil fuq saqajh, u għalhekk l-inċident ħalla impatt fuq ħajtu. Dan minbarra li l-mutur tfarrak fl-inċidnet.
L-Imħallef Lawrence Mintoff sab li l-inċident seħħ tort tax-xufier Taljan tal-vettura, u żamm responsabbli lill-kumpanija tal-assigurazzjoni għall-ħlas tad-danni li sofra s-sewwieq Malti tal-mutur.