Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li minn għada f’nofs il-lejl għal żmien indefinit se jingħalqu bosta stabbilimenti fosthom il-gyms, is-swali taċ-ċinema u l-każini.
Dan bħala parti minn miżuri ta’ prekawzjoni li ġew rakkomandati mill-awtoritajiet tas-saħħa riżultat tal-imxija tal-Coronavirus.
“Se jinghalqu bars esklużi ta’ takeaways. Se jinghalqu ristoranti mhux permess sit down imma jistgħu jagħmlu servizz ta’ delivery.” Stqarr il-Prim Ministru.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru ħabbar li d-deterent tal-multa għal min ma josservax kwarantina se jikber.
Huwa qal, “Multa marbuta mal kwaratina se tiżdied għal tlett elf ewro. Tlett elf ewro ghal kull ksur. Tiksira ghal drabtejn tigi imposta f’kull okkażjoni.”
Filwaqt li qal li mhux l-iskop tal-Gvern li jwaħħal il-multi, appella għar-responsabilità kollettiva.
Il-Prim Ministru appella biex isir l-aħħar vjaġġar meħtieġ biex b’hekk pajjiżna jilqa’ iżjed għat-tixrid tal-coronavirus.
Dr Abela saħaq, “Minn għandu joħroġ joħrog min għandu jidħol maltin u għawdxin jidħlu.”
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-lock down, il-Prim Ministru qal li l-pjan tal-lockdown huwa imfassal u rrimarka li l-Gvern joqgħod fuq il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Kompla jgħid, “Sal-lum l-awtoritajiet tas-saħħa mhumiex tal-parir imma jista jkun li nagħfsu l-buttuna l-ħamra. Minn qiegħed jgħid total lockdown ta’ ftit ġimgħa mhux qed jgħid il-verità. Perjodu itwal ħafna.”
Il-Prim Ministru tenna messaġġ ta’ kuraġġ u rrimarka li s-sitwazzjoni f’pajjiżna tinsab taħt kontroll.
“Nappella għal kalma sitwazzjoni taħt kontroll. Imħejjin għal kull eventwalita ejja ħa nżommu sitwazzjoni taħt kontroll.” Ikkonkluda jgħid.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll id-deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-saħħa Chris Fearne li mill-ġdid spjega kif l-awtoritajiet qed jaħdmu biex il-mewġa ta’ każijiet ta’ persuni nfettati ma tkunx waħda f’daqqa biex b’hekk is-servizz impekkabli tas-saħħa jibqa’ jkun effettiv.
Ħeġġeġ lil dawk li jistgħu jaħdmu mid-dar sabiex jużaw il-faċilità tat-teleworking u biex jiġi evitat ħruġ tat-tfal fosthom anki żjara s’għand in-nanniet.
Id-deputat Prim Ministru qal ukoll li l-Partit Laburista se jkun fost tal-ewwel li jagħti eżempju u qed jagħlaq iċ-ċentri lokali tiegħu.