Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar ukoll miżuri biex tiġi kkontrollata l-imxija lokalment.
Min-nhar l-Erbgħa mit-8 ta’ filgħodu, klabbs, nightclubs u diskoteki se jingħalqu. Bars u każini wkoll se jingħalqu ħlief dawk li magħhom hemm ir-ristoranti. Dan ifisser li l-klijenti f’dawn l-istabbilimenti jistgħu jinqdew biss jekk ikunu bilqiegħda.
Se jitwaqqfu wkoll il-boat parties.
Miżura oħra hija li mill-Erbgħa fit-8 ta’ filgħodu, ġemgħat ta’ nies ta’ aktar minn ħmistax-il ruħ, mhux se jitħallew aktar.
Mill-Ġimgħa it-28 ta’ Awwissu mit-8 ta’ filgħodu, it-tiġijiet kollha jridu jsiru f’ambjent ta’ ristorant, jiġifieri min jattendi t-tieġ irid ikun bilqiegħda, imwejjed ta’ tmienja, tinżamm distanza ta’ żewġ metri, u l-ikel u x-xorb jiġi servut fuq l-imwejjed.
Il-Ministru Fearne fakkar kif dawn il-miżuri huma msejsa fuq strateġija li tinżamm id-distanza soċjali u li jiġu identifikati l-każijiet pożittivi ħalli jiġu iżolati huma u dawk li kellhom kuntatt magħhom.
Qal ukoll li sal-lum saru kważi 50,000 spezzjoni fuq nies li jkunu qed jinżammu kwarantina, biex ikun assigurat li min hu pożittiv għall-virus, jinżamm ’il bogħod minn persuni oħra.