Il-Kurja qed tassisti lis-Sorjiet Dumnikani fir-rilokazzjoni tar-residenti u l-impjegati tad-dar tal-anzjani Apap Institute f’Santa Venera, hekk kif l-Ordni tad-Dumnikani ħadet id-deċiżjoni li tingħalaq din id-dar sal-aħħar tas-sena.
Fi stqarrija ntqal li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet reliġjużi u l-investiment sostanzjali meħtieġ biex tiġi rranġata l-binja.
Intqal kif bħalissa għaddejja ħidma biex ikunu rrilokati r-residenti, li bħalissa jammontaw għal 30, fi djar immexxija mill-Knisja u mill-Istat. Dan filwaqt li qed tgħin biex jinstab impjieg alternattiv għall-ħaddiema f’din id-dar.
Din id-dar kienet infetħet wara t-Tieni Gwerra Dinjija.