Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment l-impjant ta’ ħażna ta’ jet fjuwil ġdid. Dan l-impjant se jkun qed ilaħħaq mal-bżonnijiet preżenti u futuri tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Il-Prim Ministru Abela qal li dan l-impjant b’investiment ta’ €15-il miljun mill-Enemed huwa xhieda oħra tal-impenn u tal-kredenzjali li għandu dan il-Gvern li jkompli jimmodernizza l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Dr Abela saħaq li bis-saħħa ta’ dan l-investiment, il-ħażna f’Wied Dalam eventwalment se tingħalaq darba għal dejjem u b’hekk se jkun qed jingħata nifs ġdid lir-residenti ta’ madwar Birżebbuġa u dawk li jgħixu fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru tenna li “Jekk verament irridu Malta aħjar, li lesta tisfrutta l-opportunitajiet kollha li għandha quddiemha, irridu nkomplu nsaħħu l-infrastruttura ta’ pajjiżna li hija kruċjali biex inkomplu nkattru l-impjiegi ta’ kwalità u ntejbu l-għajxien tal-poplu tagħna,”
Iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Enemed qal li dan il-proġett kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu għal għexieren ta’ snin b’mod partikolari fl-aħħar snin biż-żieda fl-għadd ta’ ajruplani li bdew itiru minn u lejn Malta. Is-Sur Kevin Chircop qal ukoll li permezz tat-8 kilometri ta’ pipeline ġodda li ġew installati, ġie eliminat il-bżonn li tintuża l-ħażna ta’ taħt l-art f’Wied Dalam.
Oriġinarjament l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien jiddependi fuq pipeline wieħed biss. B’dan l-investiment li sar ġewwa Luqa Bulk 1, l-immodernizzar tal-ħażna tal-fjuwil se tkun qed tieħu post 8 tankijiet separati li kienu jżommu mhux iżjed minn 440 metru kwadru ta’ fjuwil kull wieħed. Luqa Bulk 1 se jkun mgħammar wkoll b’sistema ġdida ta’ digital control system li ġiet installata sabiex tagħmel ċert li l-intervent uman ikun wieħed mill-inqas. Infatti, Enemed ħasbet ukoll sabiex permezz ta’ sistema awtomatika, l-interventi f’inċidenti tan-nar li jistgħu jseħħu jkunu jilħqu standards ta’ sigurtà internazzjonali kif mitlub mil-liġijiet lokali u Ewropej.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia qal li dan il-proġett jirrifletti l-qabża fil-kwalità li għamel pajjiżna fl-industrija tal-avjazzjoni u fl-iżvilupp ta’ teknoloġija state of the art li minnha qed igawdi l-pajjiż kollu.