Sorsi viċin ONE News qalu kif waqt Laqgħa Pubblika f’Malta, li għamel il-Pirjol Ġenerali Micael O’Neill, ħabbar li minħabba nuqqas ta’ patrijiet Karmelitani f’Malta, il-patrijiet se jinġabru fi tliet kunventi u mhux se jibqgħu mifruxa f’sitta.
ONE News għamel kuntatt mal-Pirjol Provinċjal tal-Karmelitani Patri Joseph Saliba, li kkonferma li bħalissa bdew id-diskussjonijiet dwar din il-possibilita. Tkellem magħna dwar x’wassal għal din is-sitwazzjoni.
“Aħna nixtiequ ngħixu l-ħajja komunitarja tagħna. Għandna mpenn għandna responsabilta magħna nfusna, lejn xulxin u anki lejn il-Knisja. Impossibli li tagħmel dan ix-xogħol f’daqqa, bi ftit nies allura ħtieġa kbira biex bħala ħajja ta’ komunita li tkun sana, tajb, hemm bżonn li n-numru fil-komunita jkun iktar minn kif inhu. Ninqasmu fi tliet komunitajiet li jkunu b’saħħithom u b’hekk inkunu qed nagħtu servizz aħjar lill-Knisja f’Malta.”
Patri Joseph Saliba – Provinċjal Karmelitan
Il-preżenza tal-ewwel Karmelitani f’Malta tmur lura għas-sena elf erba’ mija u tmintax.
Matul is-snin, il-komunità Karmelitana mxiet ukoll madwar il-pajjiż, l-ewwel fil-Knisja tal-Lunzjata u wara fil-Belt tal-Imdina fejn nbnew l-ewwel knisja u kunvent.
Minħabba d-devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Karmnu, inbniet knisja oħra fil-Belt Valletta, u l-Fratelli tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt bnew kunvent u knisja oħra fil-Balluta. Fl-elf disa’ mija u tlettax, il-Patrijiet Karmelitani ingħataw il-Knisja u l-Kunvent fil-Misraħ ta’ Santa Venera.
Fis-seklu l-ieħor, il-komunità Karmelitana sabet postha wkoll fil-Fgura.
F’Santa Venera, għall-kumdità tan-nies u tal-istess patrijiet, twaqqfet komunità indipendenti minn dik tal-knisja l-qadima u l-Patrijiet Karmelitani f’Lulju tal-2005 inawguraw il-Knisja l-ġdida.
Is-sena l-oħra, il-Karmelitani fi Fleur De Lys għaddew it-tmexxija tal-istess paroċċa lil Arcidjoċesi ta’ Malta.