F’attività politika fis-Siġġiewi, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne ħabbar li jekk il-Partit Laburista jingħata l-fiduċja biex imexxi lil pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin, bħalma ħa ħsieb is-saħħa tal-poplu waqt pandemija, se jkompli jieħu ħsieb is-saħħa tan-nies wara l-Covid.
Dan hekk kif se jinfetħu kliniċi apposta f’Malta u f’Għawdex biex jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk li mardu bil-Coronavirus u għadhom qed ibatu minn riperkussjonijiet fiżiċi minħabba l-infezzjoni, li qed jissejħu bħala long Covid effects.
Qal, “Jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja, se nagħmlu klinika għal dawk il-pazjenti li huma bil-long Covid biex b’hekk inkunu nistgħu nagħtu s-servizz lil mijiet ta’ pazjenti illi għaddew minn din il-kundizzjoni u avolja l-pandemija għaddiet għadhom qed isofru fil-kwiet ta’ darhom.”
Chris Fearne ħabbar ukoll diversi mediċini ġodda li se jiġu introdotti fuq il-formularju tal-Gvern, fosthom għall-HIV.
Qal, “Jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja mis-sena li ġejja ħa nkunu qegħdin indaħħlu l-mediċini tal-PrEP u PEP illi huma essenzjali biex nipprevenu l-HIV fil-popolazzjoni Maltija.”
Il-Ministru tas-Saħħa ħabbar proposta oħra tal-Partit Laburista, dik li fl-ewwel mitt ġurnata ta’ Gvern Laburista ġdid, se joħorġu l-liċenzji għall-ewwel krematorju f’pajjiżna.