Minn tmiem din il-ġimgħa, ir-Razzett tal-Bosk fil-Buskett se jkun qed jiftaħ il- bibien tiegħu għall-pubbliku.
Dan il-post hu mmaniġġjat permezz ta’ kollaborazzjoni bejn BirdLife Malta u l- Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima. Il-ftehim bejn BirdLife u d-Direttorat tal-Parks fi ħdan il-Ministeru għat-tmexxija ta’ dan is-sit kien iffirmat fil-11 ta’ Settembru 2015
Dan ir-razzett hu wieħed minn tliet irziezet skedati li hemm fil-Buskett, li jmorru lura għal żmien il-Kavallieri u li kienu restawrati bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej: Tal-Bagħal, Tal-Ispirtu u Tal-Bosk. Tnejn minn dawn iż-żewġ propjetajiet tal-gvern is-sena l-oħra ġew mgħoddija f’idejn l-FKNK u BirdLife Malta biex jintużaw għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika dwar l-għasafar. Il- propjetajiet huma skedati mill-MEPA fi Grad 1. BirdLife Malta ħadet il-pussess tar-Razzett tal-Bosk biex jintuża bħala ċentru għar-riabilitazzjoni ta’ għasafar feruti.
L-ewwel okkażjoni għall-pubbliku biex iżur ir-Razzett tal-Bosk se tkun nhar is- Sibt li ġej 1 ta’ Ottubru meta fil-post se ssir it-tieni attività bħala parti mill- Migration Festival li qed jiġi organizzat bħalissa minn BirdLife Malta.
Wara din l-attività tal-ftuħ, mill-ġimgħa ta’ wara, ir-Razzett tal-Bosk se jibda jkun miftuħ għall-pubbliku kull nhar ta’ Sibt u Ħadd bejn l-10:00 u 12:00. Il- viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw l-esebizzjoni ta’ ritratti u l-panels informattivi li se jkun hemm fil-post b’tagħrif dwar varjetà wiesgħa ta’ postijiet naturali li wieħed jista’ jżur madwar Malta.