Iċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga għall-adolexxenti f’Tal-Ibwar se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan huwa l-ewwel ċentru tat-tip tiegħu f’pajjiżna, li se jkun qed jitmexxa mill-Caritas u se jkun jilqa’ ‘l fuq minn għoxrin persuna.
Dan iċ-ċentru se jsir b’investiment ta’ erba’ miljun ewro u huwa ffinanzjat mill-Gvern, fejn ukoll se jkun qed jingħata miljun ewro oħra kull sena.
Dan iċ-ċentru se jkun qed jilqa’ fih ġuvintur u tfajliet, fejn se jservi ta’ alternattiva għall-faċilità korrettiva taż-żgħażagħ u anke l-Isptar Monte Carmeli.
Dan intqal mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt li ltaqa mat-tmexxija tal-Caritas, f’residenza oħra f’Birkirikara li tilqa’ l-adolexxenti bi problema ta’ droga.
Il-Ministru Falzon tenna kif il-pajjiż jemmen li kulħadd għandu d-dritt għat-tieni ċans.
Huwa qal kif il-professjonisti li se jgħinu lil dawn iż-żgħażagħ ingħataw taħriġ speċjalizzat barra minn Malta. Dan sabiex joffru l-aħjar mod ta’ rijabilitazzjoni għal dawn iż-żgħażagħ.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Sfortunatament, pajjiżna għandna minuri li diġà għandhom problemi ta’ użu ta’ sustanzi, droga jew alkoħol. Hawnhekk qed inħarsu lejn biex dawk iż-żgħażagħ nagħtuhom l-opportunità, illi l-potenzjal li għandhom kollha ġo fihom, jiżviluppawh, għal ġid tagħhom u għal ġid tas-soċjetà Maltija.”
Min-naħa tiegħu, il-Koordinatur tal-Programm f’dan iċ-ċentru l-ġdid, Dr Daniel Mercieca qal kif l-għan ta’ dan il-programm huwa li jindirizza l-għeruq tal-problema u biex ‘il quddiem dawn iż-żgħażagħ jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet f’ħajjithom.
Dr Mercieca spjega: “Huwa speċjalizzat għaż-żgħażagħ biex jindirizza kemm l-impatt tat-trawma fil-ħajja taż-żgħażagħ għax aħna nafu li minn dawn iż-żgħażagħ, ikunu qed jużaw is-sustanzi għaliex ikunu għaddew minn esperjenzi iebsin fil-ħajja tagħhom waħda wara l-oħra li mbagħad jużaw sustanzi, anke impatt minħabba l-impatt ta’ dawk l-esperjenzi.”