Waqt l-estimi finanzjarji għall-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, il-Ministru Michael Farrugia tkellem fuq ħemel ta’ miżuri favur l-anzjani; minn żieda fil-pensjonijiet għall-ħidma u inċentivi għall-anzjani fil-komunità jew li jgħixu fid-djar tal-anzjani.
Dr Farrugia qal li l-Gvern żied is-sodod għall-anzjani u fil-ġimgħat li ġejjin se jiftaħ ċentru f’Ħal Safi biex jilqa’ fih anzjani bid-dimensja.
Qal, “Kellna żieda ta’ 234 sodda, ċentri għal matul il-lejl filli wħud jiffukaw fuq kundizzjonijiet speċjali. F’Settembru li għadda ftaħna ċentru fl-Imtarfa bħala day-night centre għall-persuni bid-dimensja għar-respite fi ftit ta’ ġimgħat oħra se nkunu qed niftħu dak ta’ Ħal Safi.”
Fid-diskussjoni fil-Parlament, id-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis tkellem ukoll dwar ħidmet il-Gvern favur persuni bid-dimensja.
Qal kif fl-aħħar snin, il-Gvern fetaħ swali f’San Vinċenz de Paul.
Spjega, “Ftaħna aktar swali tad-dimensja f’San Vinċenz b’investiment ta’ miljun ewro kull żewġt iswali.”
Id-Deputat Laburista Oliver Scicluna semma wkoll ż-żieda fis-sussidju li se jagħti l-Gvern bil-Budget għas-sena d-dieħla, bl-iskema tal-home helper of your choice.
Qal, “Hawn qiegħed nirreferi għaż-żieda fir-rata fis-siegħa li wieħed jiġu sussidjat biex iħallas il-home helper bl-iskema tal-home helper of your choice.”
Fil-Parlament tkellem ukoll id-Deputat Laburista Silvio Parnis, li kwota minn studju li juri kif f’pajjiżna hawn numru konsiderevoli ta’ persuni vulnerabbli bħal ma huma l-anzjani u qal li l-Gvern kien għaqli li pproteġa l-anzjani waqt l-imxija.
Qal, “Dan kollu huwa xhieda ta’ kemm dan il-Gvern għandu għall-qalbu l-anzjani tagħna u ta’ kemm għamel dak kollu possibli biex jipproteġu f’dawn iż-żminijiet ebsin li ħakmu lid-dinja kollha.”