F’Mejju li għadda beda x-xogħol ta’ tiġdid ta’ 33 triq rurali madwar il-pajjiż, toroq li jintużaw kemm mill-bdiewa kif ukoll bħala rotot sekondarji bejn lokalità u oħra. Dan il-proġett se jwassal għall-bini mill-ġdid ta’ iżjed minn 30 kilometru ta’ toroq.
Dan ix-xogħol, li nbeda mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta u tkompla minn Infrastructure Malta, għaddej ġmielu. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar xhur u ġimgħat tlesta madwar 15% tax-xogħol ippjanat, inkluż Triq ir-Remel f’Ħaż-Żebbuġ, it-triq li twassal għax-xtajta ta’ St Peter’s Pool f’Marsaxlokk, triq oħra mingħajr isem fl-inħawi ta’ Triq San Ġużepp f’Ħaż-Żabbar, Trejqet Kostinjuż fin-Naxxar, it-triq fl-inħawi ta’ San Niklaw bejn is-Siġġiewi u l-Qrendi u Triq il-Ġebel f’Birżebbuġa.
Bħalissa għaddej xogħol fuq 10 kilometri oħra, li jinkludu Triq Ħal Far u Triq Bengħajsa fiż-Żurrieq, it-triq ta’ maġenb l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-inħawi ta’ Ħal Safi, Triq iż-Żinżell f’Wied il-Għajn, Triq il-Kotob u Triq Santu Kristu fiż-Żejtun, Triq l-Għarix u parti minn Triq San Niklaw fil-Qrendi, Triq iċ-Ċens l-Iswed u Triq Wied il-Bużbież fl-Imtaħleb, Triq il-Palma bejn il-Mellieħa u l-Imġarr, parti minn Triq Xrobb l-Għaġin bejn iż-Żejtun u Marsaxlokk, kif ukoll triq rurali oħra fl-inħawi taż-Żebbuġ f’Marsaxlokk ukoll.Fix-xhur li ġejjin se jibda x-xogħol fuq il-bqija tat-toroq, sabiex dan il-proġett jitlesta sa nofs is-sena d-dieħla.
F’kull triq li qed tinbena mill-ġdid, Infrastructure Malta qed tikkordina x-xogħol mal-entitajiet tas-servizzi tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni sabiex is-sistemi neċessarji għall-istess inħawi jitpoġġew qabel isiru l-pedamenti u l-kisi b’asfalt ġdid. B’dan il-mod jonqos ir-riskju li dawn it-toroq ikollhom jitħaffru ftit wara li jkunu nbnew mill-ġdid. Fejn ikun meħtieġ, qed isiru wkoll sistemi għall-ġbir tal-ilma tax-xita u ħarsien mill-għargħar. Uħud minn dawn it-toroq iserrpu qalb l-għelieqi kienu ilhom ma jiġu rranġati kif meħtieġ għexieren ta’ snin. Fil-fatt, waħda mill-isfidi tal-proġett hi li hemm minnhom li qatt qabel ma sarulhom il-pedamenti meħtieġa biex it-triq tkun b’saħħitha biżżejjed għall-piż tal-vetturi.
F’kumment dwar dan ix-xogħol, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal, “Dan huwa l-mod kif ser inkunu qed naħdmu fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna; xogħol ikkordinat bejn Infrastructure Malta, entitajiet konċernati u Kunsilli Lokali biex b’hekk naraw li nwasslu għal proġetti li jkunu raw titjib mhux biss fuq wiċċ it-toroq imma wkoll fuq servizzi essenzjali u dawk anċillari, biex b’hekk kull proġett ikun qiegħed iwassal għal titjib ħolistiku. Ix-xogħol fuq it-toroq rurali huwa investiment essenzjali għall-bdiewa Maltin, għar-residenti li jużawhom bħala rotot sekondarji, għaċ-ċiklisti u wkoll għal kull min jimxi u jagħmel l-eżerċizzju f’dawn it-toroq sbieħ. Ix-xogħol fuq l-infrastruttura għaddej b’pass sostnut, u nħares ’il quddiem għal aktar ħidma sfiqa sabiex ngħollu l-livell tal-infrastruttura tat-toroq kollha tagħna b’mod li jixraq liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”
Dan qiegħed iseħħ permezz ta’ investiment ta’ madwar €11-il miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Bħala parti mill-istess proġett tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tal-Unjoni Ewropea, ġew allokati wkoll fondi lil diversi Kunsilli Lokali sabiex jibnu mill-ġdid 30 triq oħra fil-kampanja li jaqtgħu taħt ir-responsabilità tagħhom.
Minbarra dawn il-proġetti, Infrastructure Malta għaddejja wkoll b’aktar ħidmiet iffinanzjati mill-Gvern biex aktar toroq fil-kampanja jitranġaw u jilħqu l-livelli ta’ kwalità meħtieġa għall-mezzi tal-ivvjaġġar tal-lum. Fil-fatt, sa mill-bidu tas-sena inbnew mill-ġdid 11-il triq oħra waqt li għadu għaddej ix-xogħol fuq ħamsa oħra; b’kollox, 10 kilometri oħra ta’ toroq rurali mibnija mill-ġdid f’Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, il-Baħrija, ir-Rabat, iż-Żejtun, l-Armier, il-Kunċizzjoni, iż-Żurrieq u l-Imtaħleb. Ħidmiet simili f’toroq rurali f’għadd ta’ lokalitajiet oħra se jsiru fix-xhur li ġejjin.