Bil-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti f’żona fejn jiltaqgħu numru ta’ toroq differenti, l-Aġenzija Infrastruttura Malta bdiet proġett ta’ miljun ewro fi Vjal il-Labour fin-Naxxar. Dan il-proġett se jara l-bini ta’ roundabout biex ittejjeb il-konnessjoni bejn Vjal il-Labour minn u lejn in-Naxxar, it-triq li tagħti għal Santa Margerita, il-Mosta, u l-inħawi residenzjali tan-Naxxar.
Permezz ta’ din il-junction ġdida, se jonqos ir-riskju ta’ aċċidenti bejn dawk li jkunu ħerġin jew deħlin f’dawn it-toroq residenzjali u arterjali. Fl-istess ħin Infrastruttura Malta se taħdem ukoll fuq il-bini ta’ tliet żebra crossings, passaġġi u bankini ġodda għall-mixi, sistema ġdida ta’ dwal, u anke pajsaġġ b’siġar ġodda.
Waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet, se tinbidel u tissaħħaħ ukoll l-infrastruttura tas-servizzi tal-elettriku u telekomunikazzjoni li jgħaddu minn dawn l-inħawi, biex issa, ħafna mill-wires ta’ dawn is-servizzi li bħalissa jinsabu għaddejjin fuq arbli, se jitneħħew u minflokhom isiru oħrajn taħt l-art.
Taħt ir-roundabout ġdida se jitħaffer ġibjun għall-ilma tax-xita. Se jinbnew ukoll kanali għall-ġbir tal-ilma tax-xita li jkun nieżel minn Vjal il-Labour. Dawn il-kanali se jingħaqdu mas-sistema ta’ mini taħt l-art li jiġbru l-ilma tax-xita minn diversi nħawi f’Malta.
L-Aġenzija spjegat li nhar it-18 ta’ Jannar, it-triq li tagħti min-Naxxar għal Santa Margerita fil-Mosta se tingħalaq għat-traffiku u terġa’ tinfetaħ hekk kif jitlestew ix-xogħlijiet. Sewwieqa li jiffrejwentaw l-inħawi huma mħeġġa jsibu rotta alternattiva għal dan il-jum, jew isegwu t-tabelli informattivi li qed jitwaħħlu għall-ħruġ minn Vjal il-Labour.