Bħala parti mill-proċess ta’ ħidma li qed issir mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fuq tibdil fir-regolamenti li jħarsu il-qasam tas-sigurtà privata, saret laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ rappreżentanti ta’ dawk li għandhom liċenzja li joffru taħriġ ta’ private guards, il-GRTU, l-imsieħba oħra fis-settur u l-Korp tal-Pulizija.
Il-Ministru Carmelo Abela semma kif il-Gvern għaraf l-importanza li l-livell tas-servizz provdut mill-private guards b’mod partikolari fejn jidħlu postijiet ta’ divertiment jitjib, sabiex il-protezzjoni provduta liċ-ċittadini tkompli togħla.
“It-triq ’il quddiem trid tkun waħda bilanċjata li minnha jintbagħat messaġġ b’saħħtu favur is-settur, l-ordni pubblika u divertiment sigur”, temm jgħid il-Ministru Abela.
F’dan ir-rigward, fl-aħħar xhur, il-Ministeru beda għaddej b’diskussjonijiet interni sabiex ir-regolamenti tal-private guards jiġu emendati b’mod li jilħqu l-isfidi preżenti u jindirizzaw id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom kemm l-operaturi, il-pulizija u anke ċ-ċittadini.
Waqt din il-konsultazzjoni, il-Ministru Abela rrimarka fuq l-importanza li titħares il-kwalità tat-taħriġ u l-ħtieġa li jinħolqu standards fuq il-kriterji mitluba flimkien ma’ sistemi ta’ kontroll u superiviżjoni fuq il-korsijiet ipprovduti minn kumpaniji privati liċenzjati. B’hekk jiġi assigurat li kull membru jrid jgħaddi minn proċess ta’ taħriġ serju u regolat, qabel ma jingħata l-kwalifiki u l-liċenzji neċessarji.