Il-Gvern se jibni stazzjon ġdid tat-tifi tan-nar fil-Furjana b’investiment ta’ tliet miljun u erba’ mitt elf ewro.
Dan il-proġett jikkonsisti fil-kostruzzjoni tal-istazzjon li għalih diġà hemm permess għall-ippjanar u li se jkun ukoll siżmiku.
L-istazzjon se jkun mgħammar b’vetturi apposta biex joffri servizz aħjar fiż-żona tal-Belt, il-Furjana u l-madwar.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila spjega li wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-proġtt se jkun li jħares u jipproteġi l-patrimonju tal-UNESCO, biex jekk ikun hemm xi nirien fil-Belt, li huwa sit ta’ wirt dinji, dan jiġi indrizzat mill-ewwel.
Psaila stqarr, “L-ewwelnett se jkun akbar mill-istazzjon eżistenti u minflok erba’ persuni se jkollna bejn sitt u tmien persuni u minflok vettura waħda huwa maħsub li se jkun hemm erba’ vetturi.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus James Camenzuli spjega li l-irwol ta’ Projects Plus huwa li tmexxi l-proġett tal-kostruzzjoni tal-istazzjon u permezz tar-riżorsi tekniċi speċjalizzati tagħha, se tkun qed tassisti fl-akkwist u tindirizza l-iżviluppi fid-dettalji arkitettoniċi, tal-inġinerija u tal-informatika.
Camenzuli qal, “Niżviluppaw wieħed mill-ewwel firestations li ħa ikun skont in-normi rikjesti fl-Ewropa.”
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri spjega kif dan l-istazzjon se jservi biex il-komunitajiet tal-madwar jingħataw servizz aħjar u aktar effiċjenti.
Il-Ministru stqarr, “Dan huwa parti minn kullanna ta’ investiment li qed nagħmlu fil-Protezzjoni Ċivili sabiex niżguraw li s-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin kollha tkun imħarsa tassew.”
Il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg spjega li l-ftehim biex jinbena dan l-istazzjon se jwassal biex jiġu offruti l-aqwa kundizzjonijiet biex dawn is-servizzi jiġu mħaddma fl-aqwa ambjent u bl-aktar effiċjenza possibbl
Il-Ministru Borg irrimarka, “Il-prijorità issa tal-Protezzjoni Ċivili hija li toħloq infrastruttura aħjar minn fejn huma ikunu jistgħu jaħdmu u jkunu tas-servizz għal poplu.”
Ix-xogħol tal-infrastruttura fuq dan il-proġett mistenni jibda fl-elfejn u tnejn u għoxrin u huwa stmat li jitlesta lejn l-aħħar tal-elfejn erbgħa u għoxrin.