L-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta se tibni pont pedonali ġdid fi Blata l-Bajda, sabiex tħaffef l-ivvjaġġar bil-mixi jew bir-rota bejn dawn l-inħawi, il-Ħamrun, il-Furjana u l-Marsa.
Il-pont, b’disinn għat-tond, se jinbena fl-2019 fuq Triq San Ġorġ Preca, biswit il-kwartieri tas-soċjetà tal-MUSEUM. Il-pont se jkun qed jagħqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Furjana.
B’hekk, se jkun sigur biex wieħed jaqsam minn naħa għal oħra ta’ din it-triq arterjali u jitneħħa l-bżonn tal-pelican lights li hemm bħalissa. Dan filwaqt li se jitjieb ukoll l-aċċess għall-waqfiet tal-karozzi tal-linja li hemm fuq kull naħa, u li jintużaw ħafna minn dawk li jivvjaġġaw minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż.
Il-pont se jkollu rampi baxxi biex iċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, ikunu jistgħu jaqsmu min-naħa ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun lejn in-naħa l-oħra tat-triq fil-Marsa, jew bil-kontra. Dan se jkun iddisinnjat b’mod li jkun hemm impatt mill-inqas fuq il-pajsaġġ tal-inħawi. Se jsiru wkoll liftijiet biex il-pont ikun aċċessibbli għal kulħadd.
Is-sejħa għall-offerti biex jinbena dan il-pont tagħlaq fit-12 ta’ Diċembru 2018.
Intant, Infrastruttura Malta qed tikkonsulta mal-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar biex jinkisbu l-permessi meħtieġa għal dan l-iżvilupp. Hekk kif ikunu magħżula l-kuntratturi, il-pont se jkun jista’ jinbena f’temp ta’ ftit xhur sa tmiem l-2019.
Dan se jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, permezz tal-fondi strutturali u ta’ investiment.