B’investiment ta’ ħamsa u sittin miljun ewro li huma kofinanzjati minn fondi Ewropej se jkun qed jinbena moll ġdid f’Ras Ħanżir fl-inħawi ta’ Kordin. Dan il-moll li huwa kbir daqs erba’ grawnds tal-futbol u se jkun qed jiffaċilità l-immaniġġjar tal-merkanzija.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Borg qal kif dan il-proġett huwa bżonnjuż, hekk kif permezz ta’ dan il-moll il-ġdid se tkun qed tiżdied il-kapaċità ta’ dan il-port li storikament u ekonomikament dejjem kien importanti għal pajjiżna.
Il-Ministru Borg stqarr, “Huwa investiment ta’ €65 miljun, parti sostanzjali minnhom ser inkunu qed inġibuha mill-Unjoni Ewropea, sabiex inżidu spazju ġdid, daqs erba’ grawnds tal-futbol hawnhekk, fejn wieħed jista’ allura jopera cargo ro-ro terminal ieħor illi jkunn qiegħed jippermetti, anke nimmaniggaw aħjar l-ispazji l-oħra fil-Port il-Kbir.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal kif dan il-proġett importanti għall-infrastruttura marritima huwa parti mill-proġett tal-Unjoni Ewropea tat-Ten-T Network sabiex tgħaqqad aktar flimkien il-pajjiżi Ewropej.
Hu sostna, “Se jibenefika minn €23.9 miljun biex hawnhekk isir proġett, ħalli nkomplu nkabbru l-faċilitajiet, ħalli ġo dan il-port inkunu nistgħu jkollna aktar attività u l-attività aktar ma tikber, tkun tista tinħadem b’mod aħjar.”
Dan il-proġett se jkun qed jikkumplimenta l-mollijiet li hemm f’dan il-port.
Dan ix-xatt il-ġdid se jkun attrezzat b’konnessjoni għas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni, sistemi tat-tifi tan-nar, provvista tal-elettriku tat-trailers bil-friża, sistemi ta’ lqugħ għall-ilma tax-xita u tagħmir effiċjenti fl-enerġija biex idawwal il-moll.
Apparti minn hekk f’dan il-proġett se jkun qed isir tħammil sabiex il-port ikun aktar aċċessibli għal bastementi akbar.