B’investiment ta’ ħdax-il miljun ewro, il-komunità Naxxarija se jkollha l-grawnd tal-futbol tagħha biswit l-Iskola Giovanni Curmi Higher Secondary.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clifton Grima.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet kif dan il-proġett se jingħaqad ma’ għoxrin proġett f’għoxrin skola, li tħabbar il-ġimgħa l-oħra mill-Gvern.
Barra minn hekk dan il-grawnd se jintuża mill-klabb ta’ Naxxar Lions.
Qalet, “Dan huwa t-tieni proġett li qegħdin inħabbru b’investiment ta’ €11-il miljun li ħa jkunu qed igawdu minnhom l-istudenti tal-Higher Secondary, però wkoll tal-iskola medja tal-Kulleġġ Marija Reġina u wkoll il-language school. Ovvjament hemmhekk se jkunu qed igawdu minnu l-komunità, fosthom in-Naxxar Lions, però wkoll il-komunità inġenerali.”
Dan il-grawnd se jkun mgħammar bl-aqwa faċilitajiet hekk kif se jkollha gym u showers.
Spjega, “Is-sabiħ ta’ dan il-proġett huwa li filgħodu se jkun qed iservi din il-popolazzjoni studenteska ta’ dan il-kumpless ta’ skejjel li jinsabu ġewwa n-Naxxar. Naturalment in-Naxxarin għall-ewwel se jkollhom faċilità ta’ pitch 11 a-side, li huwa full size u allura se jkollhom faċilità biex it-tfal tan-Naxxar ikunu jistgħu jitħarrġu ġewwa faċilitajiet ġewwa n-Naxxar stess.”
F’dan il-proġett, li se jibda s-sena d-dieħla, se jkun qed jinbena wkoll parkeġġ taħt l-art li se jesa’ madwar ħames mitt parkeġġ.