Ir-residenti Rabtin għall-ewwel darba ser ikollom Day Care Centre. Dan wara ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tar-Rabat. Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru ppreseda dan il-ftehim filwaqt li ta dettalji ta’ skema li l-Kunsill Lokali tar-Rabat ibbenefika minnha, u li permezz tagħha, issa jista’ jitwettaq dan il-proġett fiż-żona tan-Nigret.
Il-Ministru Schembri stqarr, “Fejn propjetà, numru ta’ garaxxijiet se jkunu qed jgħaddu lill-Kunsill Lokali tar-Rabat, fil-fatt għaddew, b’finanzjament ukoll naraw kif dawn il-garaxxijiet jiwaqqaw u minflokom jinbena day centre għall-ewwel darba ġewwa r-Rabat biex ikunu jistgħu jingħataw dan is-servizz lill-anzjani li joqgħodu fil-housing estate u l-madwar biex ikollhom id-day centre hawnhekk.”
Il-binja ġdida se jkollha sala kbira mgħammra bil-faċilitajiet kollha li jippermettu biex isiru diversi attivitajiet matul il-jum.
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal li b’dan il-pass se tibda l-ħolma li tant xtaqu r-residenti Rabtin, tant li għal bosta snin in-nuqqas ta’ day care centre kien qed iwassal biex bosta anzjani jkollhom imorru f’irħula oħra biex jattendu attivitajiet ta’ matul il-jum.
Craus tenna, “Dan huwa proġett importanti ħafna għax se jagħti dinjità lir-residenti tar-Rabat speċjalment ir-residenti ta’ din l-akkwata u allura bis-servizz li se nkunu qed nagħtu ħa nkunu qed ngħollu l-livell tal-għixien ta’ dawn ir-residenti.”
Dan il-ftehim ser iwassal biex iż-żona tan-Nigret terġa’ tingħata lura l-ħajja permezz ta’ sit li ilu mitluq għal diversi snin u issa ser jinbidel f’ċentru komunitarju.
F’kummenti ma’ ONE Nes anzjani qalu, “Nieħdu gost hux għax aħna anzjani u ngħid almenu għandna fejn noqgħodu matul il-ġurnata. Tfisser għalina ħafna hux għax meta ġejna hawnhekk konna għadna żgħar, kulħadd kiber u għallinqas min bħali ma jħobbx imur ħwienet u hekk, tal-anqas niġi hawnhekk inkun nista’ naqra gazzetta u tiltaqa’ ma’ sħabek li jgħixu hawn isfel. Għax aħna hawn isfel qatt ma sar xejn, aħna issa qed naraw xi ħaġa dan l-aħħar ftit snin, il-bqija minsijin. Jien kien ilni tnax il-sena nisħaq għalih.
Intant, il-Ministru Schembri provda dettalji kif kunsilli lokali raw li jibbenefikaw minn din l-iskema għall-benefiċċju tal-komunitajiet. Fil-fatt sa tmiem is-sena li għaddiet, l-Awtorita’ tal-Artijiet irċeviet 40 applikazzjoni mill-Kunsilli bi tletin minnhom ġew konklużi.