Fiż-żmien li ġej f’pajjiżna se jkollna ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-vittmi tad-droga minuri. Dan hekk kif bdiet ħidma bejn il-Gvern u l-Caritas biex jinbena dan iċ-ċentru fis-Siġġiewi.
Ħabbar dan il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnieda l-ktieb “Ħajja ħielsa mid-droga – Flimkien b’għan wieħed”.
Ktieb li fih jiġbor ħsibijiet dwar dak li ntqal fis-seduta speċjali tas-sitta u għoxrin ta’ Ġunju li għadda. Il-Ministru Falzon qal li “il-gvern flimkien mal-Caritas, b’public social partership, dħalna għall-impenn li jinbena ċentru ġdid fis-Siġġiewi, li se jiccatarja speċifikament għal każi ta’ minuri li diġà huma sfortunatament soġġetti għall-vizzju tad-droga”.
Il-Ministru Falzon fisser kif mhux biss se jsir investiment kapitali fil-binja iżda l-Gvern se jkun responsabbli wkoll tan-nefqa rikorrenti għat-tmexxija ta’ dan iċ-ċentru:
“Forsi nżid ukoll li l-Gvern se jkun qed jissussidja, jħallas, jagħmel tajjeb għal spejjeż tar-running ta’ dan iċ-ċentru, jiġifieri mhux biss l-investiment kapitali, imma anke rikorrenti li l-gvern daħal fih”.
Il-Ministru Michael Falzon appella wkoll dwar il-problema tal-alkaħol u wassal messaġġ biex, partikolarment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, wieħed jirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi tax-xorb eċċessiv u jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Id-direttur tal-Caritas, Anthony Gatt stqarr kif il-ħtieġa ta’ dan iċ-ċentru ilha hemm snin u issa din se tkun qed issir realtà:
“F’Malta kien hawn nuqqas ta’ dan is-servizz, għax ħafna mis-servizzi kienu orjentati għall-adulti u l-addoloxxent bi problema serja ta’ dipendenza, li mhhux bilfors jgħodd għal servizzi għall-adulti, iżda jrid servizz apposta għalihom”.
Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia esprima sodisfazzjon għall-fatt li dan is-suġġett diskuss fil-Parlament ħalla ħafna frott fost dawk milquta mill-problema tad-droga.