L-Air Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Airline Operations Controller qablu li l-pendenzi ta’ bejniethom se jiġu riżolti quddiem it-Tribunal Industrijali.
Fi stqarrija mibgħuta mill-Air Malta ntqal li b’effett immedjat, ġew irtirati l-azzjonijiet industrijali li ttieħdu mill-istess assoċjazzjoni.
Intqal li dan il-ftehim intlaħaq wara intervent li sar mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, li laqqa lill-partijiet flimkien.
Dan wara li fil-jum tal-Ħamis, tnax-il ħaddiema mill-Assoċjazzjoni tal-Airline Operations Controller wettqu azzjoni industrijali kontra l-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta.
Dan għaliex l-AAOC mhix preżentament rikonoxxuta bħala unjin li esklussivament tirrapreżenta din il-parti żgħira mill-ħaddiema tal-kumpanija.
Matul l-azzjoni industrijali, l-Air Malta qalet li t-titjiriet ma’ ġewx affetwati u kollox baqa skedat kif kien pjanat.
Sadanittant, ix-xogħol li s-soltu jsir miċ-ċentru għall-kontroll tal-operazzjonijiet tal-linja tal-ajru kien provdut minn ħaddieħor.