Fis-sigħat li ġejjin, se jiġu ppreżentati emendi legali fil-kodiċi kriminali quddiem il-Parlament biex tkompli tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika f’pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament mill-Ministri Byron Camilleri u Owen Bonnici, il-ġurnalisti ngħataw kopja tal-abbozz emendat li se jitressaq fil-Parlament.
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri qal li minkejja li l-Gvern diġà ħadem ħafna biex iġġieled iċ-ċensura f’pajjiżna, jinsab ċert li b’dawn l-emendi legali se tkompli tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika.
Qal li dawn l-emendi għandhom żewġ għanijiet, biex tkompli tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni, fl-istess waqt li jiġi evitat l-użu skorrett tas-sistema tal-ġustizzja kriminali biex tinħonoq din il-forma ta’ espressjoni.
Huwa spjega li l-espressjoni tal-artist hija parti integrali mid-demokrazija ta’ pajjiżna, u meta biċċa xogħol tal-arti ma toffri l-ebda theddida realistika għas-sigurtà tal-persuna, dak l-artist m’għandux jispiċċa l-Qorti.
Bl-istess mod spjega li minkejja li l-Korp tal-Pulizija għandu l-obbligu li jikkunsidra kwalunkwe rapport li jidħol għandu, dan m’għandux isir għodda f’min irid joħnoq il-libertà tal-espressjoni artistika.
“Qed nerġgħu nuru li dan huwa Gvern riformista li ma jaċċettax l-istatus quo”, temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru responsabbli mis-settur tal-arti f’pajjiżna, Owen Bonnici rrimarka kif li tinvesti u toħloq il-karrieri fis-settur tal-arti huwa importanti, iżda ma jfisser xejn jekk ma jkunx hemm espressjoni artistika li tħalli lill-artist jesprimi ruħu bl-aktar mod ħieles.
Tkellem ukoll dwar il-kwistjoni ta’ prinċipju, għaliex il-Gvern jemmen li espressjoni artistika ħielsa hija sinjal ta’ pajjiż b’saħħtu u soċjetà sana li ma tiddejjaqx titkellem fuqha nnifisha.
Irrimarka wkoll li meta artist jesprimi ruħu jkun qed iwettaq xogħlu, bħalma jagħmlu l-ħaddiema l-oħra f’kull settur.
“Kburi li nifforma parti minn Gvern li aġixxa mill-ewwel u ra li jsiru l-emendi neċessarji”, qal il-Ministru Bonnici.