Se jiġu megħjuna t-tfal b’ġenituri morda serjament, wara iffirmar ta’ ftehim soċjali ġdid għat-tliet snin li ġejjin, li approva l-finanzjament ta’ €257,400 bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Fondazzjoni Karl Vella.
Din il-fondazzjoni tgħin tfal ta’ ġenituri morda serjament, minn aspetti psiko-soċjali.
Dan il-proġett bl-isem ‘Because You Matter’ jipprovdi assistenza psikoloġika lit-tfal u qrabathom.
Fil-fatt il-Fondazzjoni Karl Vella tgħin lil dawn il-familji, anke barra minn xtutna, minħabba l-fatt li dawn ikollhom isiefru sabiex jieħdu t-trattament neċessarju.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru Michael Falzon, fejn ingħad li se jingħataw mas-780 siegħa ta’ xogħol u terapija professjonali kull sena għat-tliet snin li ġejjin, u 3,120 siegħa t’analiżi psikoloġika u emozzjonali minn counsellors, psikologi u ħaddiema soċjali.
Il-Ministru Michael Falzon, qal kif din il-fondazzjoni, tagħti l-aqwa dinjità lil kull tifel u tifla flimkien mal-qraba tagħhom.
“L-għan jibqa’ li ngħinu partikolarment lil dawk it-tfal, li l-familja tagħhom għal raġuni jew oħra, marbuta ma’ saħħa, maqluba ta’ taħt fuq. Allaħares ma jkunux NGOs bħal dawn, u allaħares ma tkunx is-soċjetà Maltija, li nemmnu li ngħinu lil xulxin, li nkunu hemm għan-nies li jkollhom diffikultajiet.”
Il-Ministru Michael Falzon
Dwar dan tkellmet ukoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Karl Vella, Claire Chircop.
“Ħa nkunu qed noffru sapport, u nkomplu noffru sapport, kemm emozzjonali, u psikoloġiku lill-pazjenti, lill-membri tal-familja tagħhom, u min jakkumpanjahom ukoll, li għandhom bżonn kura barra minn Malta.”
Claire Chircop – Chairperson tal-Fondazzjoni Karl Vella
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kommess illi jkompli jsaħħaħ l-finanzjament tal-PSPs fix-xhur illi ġejjin, sabiex ikompli jilħaq aktar persuni vulnerabbli.
Għal din is-sena kienet allokata s-somma ta’ €12-il miljun, għal 35 ftehim soċjali li hemm ma’ 25 NGO.