Pajjiżna qiegħed jagħmel progress sabiex jonqos l-impatt tal-kostruzzjoni fuq l-ambjent filwaqt li tiddaħħal kultura ta’ aktar serjetà fis-settur tal-bini. Hekk stqarr il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar, Aaron Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni, Chris Agius waqt żjara fuq sit tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru Farrugia sostna li d-disinn intelliġenti jista’ jikkontribwixxi lejn l-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll inaqqas it-tniġġis ikkawżat mill-binja nnifisha. Huwa qal li impenji bħal dawn minn kuntratturi privati juru kemm dawn huma konformi mal-istrateġija mmirata sabiex jitnaqqas il-livell tal-karbonju.
Il-Ministru tenna li l-Gvern se jkun qed jimplimenta miżuri bħala parti minn riforma tal-bini u kostruzzjoni f’pajjiżna. Apparti minn hekk, se jitħabbru wkoll riformi oħra fil-ġimgħat li ġejjin bil-għan li tissaħħaħ l-industrija u tagħti kwalità tal-ħajja ogħla lill-Maltin u l-Għawdxin.
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni, Chris Agius spjega li fl-elfejn u tmintax kienet tnediet konsultazzjoni pubblika immirata li twaqqaf regolatur tal-bini u kostruzzjoni bħala parti mit-twettiq tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Qal ukoll li fl-elfejn u dsatax twaqqfet aġenzija għall-bini u kostruzzjoni sabiex finalment titwaqqaf Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li din l-aġenzija ħadmet biex tintroduċi sistemi amministrattivi ġodda, fosthom sistema ġdida rigward il-liċenzjar tal-benneja. Minkejja l-ħidma estensiva tal-aġenzija, huwa tenna li hemm bżonn iktar ħidma sabiex tissaħħaħ kultura serja f’dan is-settur.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ kumpanija tal-proprjetà, spjega x-xogħolijiet li qed isiru fil-binja tal-kumpanija, ilkoll miżuri favur l-ambjent.
Qal kif, “L-ewwel ħaġa li għandna nsemmu huma l-PV panels fuq il-bjut ta’ kull development. F’dan il-każ partikolari ta’ Lotus Complex f’Ħaż-Żabbar, hemmhekk se jkollna erba’ mija tlieta, u erbgħin pannelli fotovoltajiċi li dawn bejn wieħed u ieħor jiġġeneraw elfejn u mitejn unit kuljum, li se jgawduhom ir-residenti. Fil-preparazzjoni tal-madum, minflok nużaw it-torba, nużaw screed tal-konkos li f’kull metru kubu ta’ konkos li jkollna qed nitfgħu sittin kilo ta’ plastic riċiklat.”