Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, nieda ‘Malta Workshops’, serje ta’ ħames workshops li jipprovdu forum fejn uffiċjali ta’ ċentri finanzjarji internazzjonali żgħar jiltaqgħu, bil-parteċipazzjoni ta’ esperti internazzjonali f’diversi oqsma; primarjament il-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu; biex jiddiskutu l-isfidi u l-vulnerabbiltajiet li jiffaċċjaw f’xogħolhom li jattiraw in-negozju internazzjonali kif ukoll metodi kif dawn ir-riskji jistgħu jittaffu.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-istess Ministeru fejn intqal kif din l-inizjattiva tal-Gvern ta’ Malta qanqlet interess kbir, tant li fiha qed jieħdu sehem madwar elfejn persuna minn sittin pajjiż differenti u li qed jirrappreżentaw gvernijiet, aġenziji u istituzzjonijiet statali relevanti, awtoritajiet u istituzzjonijiet bankarji nazzjonali, aġenziji tekniċi involuti fl-AML/CFT u ambaxxati, li qed jipparteċipaw b’mod attiv fil-workshops.
Fost il-parteċipanti hemm ukoll uffiċjali minn istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom MONEYVAL, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank Ċentrali Ewropew, Egmont, Eurasian Group u l-UNODC.
Il-parteċipanti se jesploraw metodi kif jistgħu jsaħħu l-koperazzjoni bejniethom u kif tali koperazzjoni tista’ tirriżulta f’kisbiet tanġibbli fuq livell dinji. F’dan il-kuntest, il-workshops se jittrattaw aspett differenti kuljum flimkien ma’ esperti internazzjonali u globali distinti li se jindirizzaw ukoll mistoqsijiet u kummenti mill-parteċipanti.
Se jiġi diskuss ukoll kif ċentri finanzjarji internazzjonali żgħar jistgħu jibbenefikaw minn qafas globali ta’ kooperazzjoni u kollaborazzjoni ma’ sħab oħra fuq livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet komuni għal din l-isfida komuni.
Fl-indirizz tal-ftuħ, il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-isfida tal-korruzzjoni, tal-ħasil ta’ flus u tal-iffinanzjar tat-terroriżmu hija sfida kbira li għandu kull pajjiż, u li sfida dinjija bħal din tista’ tiġi indirizzata biss fuq livell dinji. Qal li filwaqt li rridu nsaħħu l-istituzzjonijiet, irid ikollok pajjiż sħiħ li jiġbed l-istess ħabel kontra r-reati msemmija.
F’dan il-kuntest, il-ministru żied li l-istituzzjonijiet jaħdmu tajjeb daqs kemm in-nies ta’ ġo fihom huma onesti u integri, u allura, kulħadd; inklużi l-partiti politiċi, l-għaqdiet tan-negozju, il-unions, il-media, il-Knisja, is-sistema edukattiva u s-soċjetà ċivili; għandu sehmu x’jagħti biex lil hinn mill-kliem sabiħ, jitrawmu l-valuri tal-onestà u l-integrità biex il-ġid li jinħoloq ikun onest u nadif.