Id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ se jkunu suġġett ta’ konferenza li se tittella’ bħala parti mill-attivitajiet tal-EuroPride fostna.
B’kollox għal din il-konferenza se jattendu ’l fuq minn 300 parteċipant li ġejjin minn ħamsin pajjiż differenti.
Din il-konferenza għandha l-għan li tiffaċilita d-diskussjoni miftuħa bbażata fuq l-esperjenzi tal-komunità li dan hu fundametali għat-titjib fl-isforzi tal-ugwaljanza.
Il-konferenza, li se tittella’ bejn l-Erbgħa u nhar il-Ġimgħa, se tirrikonoxxi l-ħajja ta’ persuni LGBTIQ+ u temi li jibqgħu rilevanti għall-komunità internazzjonali.
Id-dettalji tal-konferenza tħabbru waqt konferenza indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, u l-Kap Kap tat-Taqsima dwar l-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u karatteristiċi tas-Sess fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, Clayton Mercieca.
Mercieca qal li dawn it-temi u oħrajn ta’ relevanza għall-komunità u għas-soċjetà inġenerali se jkunu diskussi biex ikun jista’ jissokta l-vjaġġ għall-ugwaljanza u għall-ġustizzja mal-komunità LGBTIQ+ f’Malta u f’pajjiżi tar-reġjun.
Clayton Mercieca qal, “Għandek ’il fuq minn 300 persuna li se jattendu għal din il-konferenza minn ħamsin pajjiż differenti minn mija u ħamsin organizzazzjoni differenti biex niltaqgħu u nsibu soluzzjon.”
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, qalet li f’din il-konferenza l-esperjenza ta’ Malta fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ se sservi ta’ gwida għal pajjiżi oħrajn fir-reġjun tal-Mediterran fejn id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ għadhom mhumiex rispettati.
Is-Segretarju Parlamentari qalet, “Se nużaw il-pożizzjoni tagħna biex inwasslu l-messaġġ ta’ ugwaljanza fil-Mediterran, għax sfortunament għadna naraw dan ir-reġjun b’mod partikolari għad hawn komunità li huma ostili għall-komunità LGBTIQ+. Allura rridu nwasslu messaġġ u nassiguraw għal ugwaljanza ta’ kuljum.”
Micheal Owen, f’isem l-Allied Rainbow Communities, spjega li din il-konferenza hi ħolqa integrali mill-attivitajiet kollha li qed isiru matul l-għaxart ijiem ta’ EuroPride f’pajjiżna.