Bejn il-Ħadd filgħodu u t-Tnejn, Claudio Camilleri u Daniel Abela, se jiġru total ta’ mitejn kilometru f’inqas minn ħamsa u tletin siegħa biex jiġbru fondi għat-terapija psikoloġika tat-tfal għall-Fondazzjoni Sebħ.
ONE News żar it-trakka tal-Marsa, fil-bidu tal-ġirja, u tkellem mal-atleti fil-ftit ħin, bejn ġirja u oħra.
Id-Direttur tal-Fondazzjoni, Yvonne Mallia, tkellmet magħna dwar l-għan tal-fondazzjoni; li sservi ta’ ħajt ta’ kenn għal wieħed u erbgħin tifel u tifla, u l-ommijiet tagħhom, li jkunu għaddew minn vjolenza domestika.
“Permezz ta’ dawn il-fondi, iċ-Children in need Foundation se jkunu qegħdin jimpjegaw terapisti biex ikunu parti integrali mill-ħidma li toffri Fondazzjoni Sebħ, sapport u għajnuna terapewtika għat-tfal li jgħixu magħna.”
Bosta atleti, anke minn gruppi sportivi, ingħaqdu ma’ Claudio u Daniel, biex joffru s-sapport tagħhom.
Din il-ġirja, 1run1childhood, qed tiġi organizzata mill-Fondazzjoni Children in Need.
Dawk li jixtiequ jgħinu għal din il-kawża ġusta, jistgħu jżuru s-sit www.1run.mt jew www.childreninneed.org.mt.